Illum previous editions

ILLUM 20 March 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/655578

Contents of this Issue

Navigation

Page 24 of 35

minn John Busuttil IS-SENA li għaddiet iddeċidejt li għal festi tal- Ġimgħa l-Kbira u l-Għid, inżur Trapani fi Sqallija. Belt ċkejkna li qatt ma kont żort, iżda li r-RyanAir għamilieli faċli li nżur. Tliet kwarti titjira u sibt ruħi fi Sqallija differenti milli kont is-soltu nżur. Titjira qasira u rħisa li wassltini f 'din il-belt ħdejn il-kosta. Belt maqsuma f 'żewġ partijiet. Il-parti antika fejn hemm it-triq prinċipali mimlija ħwienet u appartamenti u n-naħa tal-port fejn wieħed isib diversi ristoranti tal-ħut. Ikel skwiżit u ġenwin li jkolli nammetti li hu anke irħas minn dak li s-soltu nħallsu fir-ristoranti tal- ħut f 'Malta. Meta tordna l-platt prinċipali, barra dan, jimlewk b'ħafna platti biex idduq kull tip ta' ikel tipiku tagħhom bil-pasta all pesto trapanese jinżillek għasel. Jekk nibqa' nikteb fuq l-ikel ma nieqafx għax ikolli nammetti li fi Trapani vera kilt ikel tajjeb. Iżda jien ma mortx hemm biss biex nimla l-ħawsla u nħaxxen żaqqi aktar milli hi, iżda mort hemm biex ingawdi x-xenarju u anke l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li bħalha, ma rajt imkien. Barra hekk, minn Trapani wieħed ma jistax jonqos li jżur Erice, raħal medjevali uniku u anke tista' tmur sa Palermo, għalkemm ma tantx nissuġġerixxi din il-belt, għax għad li fiha r-rikezzi tagħha, fiha l-ħmieġ tagħha wkoll. Belt li ħriġt ferm diżżppuntat bil- ħmieġ u tħażżiż mal-ħitan tagħha. Belt li l-forte tagħha barra l-Kattidral grandjuż, hu x-shopping irħis li hemm. L-aktar Purċissjoni li ddum barra u waħda mill-eqdem It-tradizzjonijiet Sqallin huma fost l-eqdem u l-aktar qawwija fl-Italja kollha. Iżda l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira hi unika u li żgur li bħalha ma rajtu qatt. Hi pellegrinaġġ u purċissjoni li jieħdu sehem fih il-pajjiż kollu. Purċissjoni li ddum sejra 24 siegħa. Toħroġ il- Ġimgħa fis-2 ta' wara nofsinhar u tidħol l-għada s-Sibt fis-2 ta' wara nofsinhar. Tissejjaħ il-purċissjoni tal-Misteri u ġejja mid-dominju Spanjol ta' 400 sena ilu. Fil-fatt, din il-purċissjoni ilha ssir 400 sena sħaħ u hi l-itwal purċissjoni fl-Italja kollha u fost l-eqdem. Il-misteri huma 20 rappreżentazzjonijiet artistiċi mill-Passjoni ta' Ġesu. 18-il vara mmexxija minn gruppi differenti pereżempju, il- grupp tat-trasport pubbliku, il-grupp tal-bennejja, tas-sajjieda, tal-uffiċini, tar-raħħala eċċ. li jieħdu ħsieb il-vara tagħhom, biex iżejnuha u jerfgħuha matul l-24 siegħa. Wara kull vara, ikun hemm banda ddoqq għal 24 siegħa sħaħ. Tieqaf waħda, u tibda l-oħra. Il- purċissjoni hi waħda li timla Trapani sħiħ b'kuluri, daqq u dawl u anke emozzjonijiet fejn hemm żewġ vari tal- Madonna tibki fuq binha mejjet. Waqt l-irfieħ tal-vari, huma bħal speċi mżeffna l-bradelli tal-injam miksija bi drapp iswed. Id-dawl mitfugħ fuq l-uċuh tal- personaġġi fuq il-vara jagħtu dehra ta' espressjoni ta' dwejjaq u sofferenza. Kull vara tintrefa minn 10 persuni biż-żifna msejħa 'annaccata'. Ikolli nammetti li bħal din il-purċissjoni la qatt rajt u lanqas qatt tara. Għaliha jattendu turisti mill- Italja kollha u anke ħafna Ġermaniżi. Trapani mhux Ġimgħa Kbira biss Iżda Trapani toffri ħafna iżjed minn purċissjoni u ikel, fejn nagħtikom parir li jekk ma tikrux karozza sibu xi taxi u ftehmu miegħu prezz biex idawwarkom f 'lokalitajiet viċin b'xenarju mill-isbaħ. Eżatt biswit Trapani, hemm il- belt jew ir-raħal medjevali ta' Erice li tista' titla' għalih b'funikular. Jinsab fuq muntanja msejħa Erice, 750 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Min iħobb toroq medjevali u mserrpin, irid bilfors iżur din il-belt li minn maġenb il-kastell tagħha, hemm xenarju li jħallik bla nifs. MONTE COFANO hi muntanja oħra ħdejn il-kosta li hi parti minn Trapani. Hemm mixja ta' madwar siegħa u ftit aktar, fil-wita madwar il-muntanja fejn jekk tħares fuq in-naħa tal-lemin tara l-muntanja u fuq ix-xellug, il-baħar. Passiġġata li tagħtik nifs ġdid, passiġġata mill-isbaħ. Tat-taxi jitilqek fil-bidu tal- mixja u jiġbrok min-naħa l-oħra. Żarbun tajjeb għal mixi u tlaqna ħbieb! SEGESTA hi 25 minuta bogħod minn Trapani. Barra t-tempju Grieg li hu ferm maestuż u l-amfiteatru fuq il-muntanja, hemm xenarju spettakolari minn hemm fuq. Tfallux li żżuru Segesta. SCOPELLO hi bajja fejn wieħed jista' jgawdi minn xena meraviljuża tal-hekk imsejħa FARAGLIONI, li huma dawk it-tliet blatiet ħerġin fuq baħar spettakolari. Iżda dan mhux kollox. Hemm ħafna u ħafna iżjed x'jiskopri fi Trapani u l-madwar tagħha. L-aħjar jew ikollok karozza inkella kif għidtilkom tiftiehem ma' xi persuna b'taxi jew vann u hu stess jurikom il-postijiet mill-isbaħ. Għax it-Trapanesi huma nies li jħobbuh wisq lil pajjiżhom u jagħmlu minn kollox biex lit-turist juruh kollox u bi prezzijiet xejn eżaġerati. Kif tasal hemm: RyanAir u xejn iżjed. Il-Ħadd 20 ta' Marzu 2016 | illum Trapani fi żmien l-Għid Vjaġġi 25 Ikel galore, purċissjoni unika u xenarju li jaqtgħalek nifsejk • Purċissjoni li ddum iddur mal-belt 24 siegħa • Wara kull vara jkun hemm banda • Tista' faċilment iżżur il-gżejjer tal- viċin • Erice huwa wieħed mill-isbaħ irħula medjevali fid-dinja Waħda mit-18-il vara Scopello Erice: 750m fuq il-livell tal-baħar

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 20 March 2016