Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/655578
I s-sena d-dieħla jaħbat l-anniversarju tad-deheb tas-Sajf tal-Imħabba, dak il-mument fl-istorja ta' tmiem is-seklu l-ieħor li flimkien ma' ħwejjeġ oħrajn, inbidel f 'mit, f 'simbolu ta' ġenerazzjoni sħiħa, jew aħjar ta' dik il-parti l-aktar voċifera ta' din is-soċjetà. Is-Sajf tal-Imħabba laħaq il-qofol tiegħu meta mal- mitt elf żagħżugħ inġabru f 'distrett ta' San Francisco magħruf bħala Haight- Ashbury biex jgħixu ħajja ta' libertà mill-irbit ta' soċjetà 'borgiża' li kienet għadha tħaddan l-istess prinċipji li l-istess soċjetà kienet tħaddan qabel. Bil- kelma 'qabel' dak iż-żmien wieħed kien jifhem it-Tieni Gwerra Dinjija. Fis-Sajf tal- Imħabba ta' Haight-Ashbury, il-komunità (nifhem li qiegħed nabbuża din il- kelma!) ta' Tfal tal-Fjuri, jew hippies, kienet qiegħda tisfida l-ġenerazzjoni ta' ommhom u missierhom bl-użu fil-miftuħ ta' kimika illeċita u rapporti sesswali mingħajr impenn. Is-Sajf tal-Imħabba kien dam biss sajf; sa tmiemu dawk iż- żgħażagħ li kienu tħajru jitilqu bil-fjuri f 'xagħarhom lejn San Francisco fuq stedina ta' Scott McKenzie marru lura mnejn kienu ġew u warajhom ħallew distrett diżordinat u marid. Fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku, f 'Berlin maqsuma fi tnejn, grupp żgħir ta' żgħażagħ ifforma l-Kommune 1, bil-ħsieb li jisfida l-prinċipji 'borgiżi' tal-familja nukleari u l-proprjetà privata. B'diskors tipiku ta' dak iż-żmien ta' ribelljoni 'xellugija', il- Kommune 1 ukoll inbidel f 'mit speċjalment bir-ritratti spissi fuq it-tabloids u r-rivisti għall-mases tal- mudella Ursula 'Uschi' Obermaier u l-maħbub tagħha – jew aħjar wieħed mill-ħafna li kellha – Rainer Langhans, eventwalment direttur ċinematografiku. Sas-Sajf tal-Imħabba f 'Haight-Ashbury, il- Kommune 1 kien ġenneb l-impenn politiku (li kien aktar jiffoka fuq ix-xewqat u l-iżvilupp personali aktar milli fuq impenn ta' klassi soċjali) u ntefa' jipprattika s-sess, id-droga u r-rock and roll. Dak kien ix-xellug stil Kommune 1. Imbagħad żarmaw u kulħadd mar għal rasu, isegwi karriera pjuttost affluwenti. Il-każ tal-Kommune 1 u t-taħwid manju f 'isem ir-ribelljoni ta' Langhans u Obermaier jissemma fi ktieb li ħareġ ftit tal- ġimgħat ilu l-filosfu żagħżugħ Srecko Horvat, 'Ir-Radikalità tal-Imħabba'. Horvat janalizza r-rabta bejn l-imħabba u r-ribelljoni, anzi bejn l-imħabba u r-rivoluzzjoni u jara kif kull rivoluzzjoni tagħti tama ta' liberazzjoni tal- imħabba li, iżda, imbagħad tisfigura ruħha biex tibda tirripressa din l-imħabba u l-enerġija tal-individwi għall-imħabba. Horvat juri kif fost ir-rivoluzzjonijiet l-aktar importanti tas-seklu li għadda, pereżempju r-Rivoluzzjoni ta' Ottubru u l-oħra tal-1979 fl-Iran immexxija mill-Ajotalla Komeini, spiċċaw biex tradew lill-individwu għaliex ħadmu kontra l-intimitajiet tiegħu, bażikament kontra l-imħabba u l-forom tagħha. Sadattant, iżda, huwa jara li l-att tal-imħabba huwa minnu nnifsu att rivoluzzjonarju u li ebda rivoluzzjoni ma tista' tkun suċċess jekk ma tpoġġix l-imħabba fiċ-ċentru tas- sistema tagħha. U huwa għalhekk li r-Rebbiegħa Għarbija, il-Pjazza Taħrir, il-Pjazza Taksim, bażikament fallew. Dejjem skont Horvat. Għax tassew, dawk il- ħolmiet kbar tas-Sajf tal- Imħabba, tal-Kommune 1, imbagħad tal-1968, ma biddlux id-dinja wisq minkejja l-fiduċja għamja ta' ħafna fi profeti bil- fjuri u l-kullani ta' żibeġ ikkuluriti. Ngħiduha kif inhi: xi nbidel eżattament wara s-suppost rivoluzzjoni kulturali ta' ħamsin sena ilu? X'sens fadallu l-kliem naive tad-diski li kienu jkantaw f 'Woodstock u fil-festivals l-oħrajn li kienu jiġbdu eluf ta' nies? Għaddew ftit snin mhux ħażin ukoll minn meta fuq Radju Malta (dak iż-żmien l-uniku stazzjon tar-radju li kellna) kien jinstema' tifel ċkejken ikanta dwar il-merill li kull filgħodu kien iqum ikanta, "Il-merill twitt, twitt..." Għad hemm filmat tal-verżjoni bit-Taljan, ippreżentata fiz-Zecchino d'Oro, għal min hu interessat jew dawk li qatt ma semgħu bid-diska. Issa dan l-aħħar qed iqum merill ġdid jittwittja, jew (ippermettuli nivvjolenta ftit ilsien art twelidi) jittweetja. Issa anki aħna qegħdin niġu indirizzati mill-politiċi tagħna bit-tweets. Iqumu filgħodu bħall-merill taz- Zecchino d'Oro u jixħtu twittata 'l hemm u 'l hawn, bid-differenza li ma tantx ikun fihom ħlewwa dawn it- twittati. U jekk mhux twittati jinkitbu bloggati, xi drabi mimlija ċuċati, b'kummenti stunati (m'għandniex xi ngħidu b'ħafna kelmiet żbaljati jekk mhux ukoll Ingliżati). Ikollok tieħu paċenzja. Tibla' r-rieq u tikkonsla b'dawk ir-rivoluzzjonijiet li spiċċaw ma bidlu xejn. Għax hawn erġajna bdejna narmaw għall-gwerra li jmiss. Fl- arena m'għandniex biss il- parlamentari imma wkoll lil dawk il-ġurnalisti li saru (kif ħafna minnhom kienu minn dejjem) portavuċi tagħhom. Matul dawn l-aħħar jiem, reġa' kellna konferma oħra kemm meta narmaw għall- gwerra (attwalment ma nafx jekk qatt inżarmawx) mhumiex biss il-politiċi li jantagonizzaw irwieħhom għal xulxin imma anki l-ġurnalisti. L-impressjoni tiegħi hija l-messaġġi li jgħaddu bejniethom ma jrejħux biss antagoniżmu imma, agħar minn hekk, mibegħda. Kien hemm min ħaseb, darba, li Malta kienet laħqet livell ta' maturità politika li kienet se tħallina naħsbu b'rasna. U forsi kien hemm min ħaseb ukoll li fl-2004 wittejna t-triq biex il- partiġġjaniżmu li lili l-ewwel wieħed, tebbagħli tfuliti u żgħożiti kien se jibda jinħall ħelu ħelu. U issa hemm min qiegħed jirrealizza li mar falza stikka. illum | Il-Ħadd 20 ta' Marzu 2016 IMMANUEL MIFSUD Opinjoni 18 Twittati, bloggati u kazzati "Jekk mhux twittati jinkitbu bloggati, xi drabi mimlija ċuċati, b'kummenti stunati b'ħafna kelmiet żbaljati jekk mhux ukoll Ingliżati" Is-Sajf tal-Imħabba f 'San Francisco: Ikollok tibla' r-rieq u tikkonsla b'dawk ir-rivoluzzjonijiet li spiċċaw ma bidlu xejn