Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/655578
Il-Ħadd 20 ta' Marzu 2016 | illum Sports 33 żewġ tiri personali f 'taqbida waħda n-nuqqas ta' preparamenti fit-taħriġ tiegħu." Christian Schembri kompla jagħti iktar dettalji rigward din it-taqbida u saħaq li, meta wasal il-lejl tat-taqbida, "jien urejt li dan kien assolutament falz. Mill-bidu tal-ewwel rawnd bdejt nagħmel pressjoni kbira fuq Scott Dixon u nirrispondi għal kull daqqa li beda jitfa' hu bi tnejn jew tlieta minn tiegħi. Bdejt nuża t-tattika li wrieni l-kowċ tiegħi Steve Martin billi nċaqlaq rasi l-ħin kollu u naħrablu d-daqqiet, filwaqt li nżomm idejja 'l fuq u geddumi 'l isfel ħalli d-daqqiet li ma naħrabx minnhom, nilqagħhom fuq l-ingwanti. Barra minn dan, kien importanti wkoll għalija li għal kull daqqa li naħrab jew nilqa', nitfa' waħda minn tiegħi ħalli nżommu lil Scott dejjem fuq id-difensiva u żbilanċjat. Ta' min jgħid ukoll li Scott Dixon din id-darba nħass li kien qiegħed iktar imħarreġ waqt it-taqbida, għaliex baqa' jipprova sal-aħħar u ma battiex ir-ritmu lejn l-aħħar. Dan kollu sarraf biex jiena nieħu d-deċiżjoni tal-ġudikaturi u noħroġ rebbieħ ta' din it-taqbida u nikseb l-unur ta' 'Malta Boxing Association – Benny Pace Memorial Champion' tal-kategorija 'Super Middleweight'. Din ir-rebħa bla dubju kienet l-ikbar waħda s'issa fil- karriera tal-boxing tiegħi, anke għaliex ħriġt rebbieħ kontra boxer li fl-għaxar snin li ilu jiġġieled f 'Malta, qatt ma kien tilef qabel. Bla dubju dan kien suċċess u pass importanti ferm fil-karriera tiegħi, iżda ta' min jgħid ukoll li jien għadni fil-bidu tal-karriera professjonali tiegħi, u jien u t-tim tiegħi qegħdin inżommu saqajna mal-art, għax nafu li għad baqalna ħafna x'nitgħallmu u fejn nikbru biex ngħollu l-livell tagħna, speċjalment meta tħares lejn boxers oħrajn Ewropej. Fl-aħħar nett nixtieq nirringrazzja lill-persuni li qegħdin ikunu ta' għajnuna kbira fil-karriera tiegħi, fosthom il-kowċis Steve Martin, Clayton Gatt u sħabi kollha tal- gym tagħna 'Fight Factory – Home of Champions', l-isponsors tiegħi li pemezz tagħhom qed jirnexxieli mmur ta' spiss nitħarreġ l-Ingilterra: Eat Me I'm Famous, Harmont and Blaine, Browns Valletta Waterfront, Don Michele – Italian Fashion u Michael's Butcher Hamrun, u fl-aħħar u mhux l-inqas lit-tfajla, il-familja u l-partitarji kollha tiegħi li jiġu jagħtu s-sapport lejja bi ħġarhom kollha għal kull taqbida li jkolli," temm jgħid Christian Schembri. Christian Schembri ftit sekondi wara li rebaħ l-unur ta' 'Malta Boxing Association – Benny Pace Memorial Champion' tal-kategorija 'Super Middleweight' Emma Grech tirrealizza l-ħolma ta' ħajjitha fi l-Karate 'BRITISH University and College Sport' (BUCS) hija waħda mill-ikbar kompetizzjonijiet fir- Renju Unit. Atleti minn Universitajiet tal-Iskozja, l-Ingilterra u Wales jingħaqdu darba fis-sena sabiex jikkompetu kontra xulxin fil-Kampjonati tal- Karate. Emma ilha tipprova tirbaħ il-kategorija tas-'senior women - 61kg' għal sentejn sħaħ, fejn dejjem kienet tispiċċa fit-tieni post tal- gradwatorja, bil-medalja tal-fidda. Iżda din id-darba bl-għajnuna konsistenti ta' Sensei Josef Antonelli, din ix- xewqa saret realtà għaliha. Fil-vaganzi tal-Milied, ħadmet mas-Sensei Josef kważi kuljum fejn hu kien kapaċi jidderiġiha fit-triq it-tajba. Meta wasal iż- żmien biex terġa' lura għall- Università, it-taħriġ tagħha ma waqafx hawn. Dan hekk kif is-sensei taha x-xogħol biex taħdem fuq it-teknika sabiex tibqa' konsistenti. Barra minn hekk, hi ħadmet ukoll individwalment fuq il-fiżika u n-nifs fejn kienet tmur il-gym ħames darbiet fil-ġimgħa. Il-kompetizzjoni BUCS seħħet fuq jumejn bejn is-Sibt 20 ta' Frar u l-Ħadd 21 ta' Frar. Is-Sibt, l-Università li fiha Emma kienet studenta, Loughborough University, kellha tiġġieled kontra universitajiet oħra sabiex tibqa' tiela' għall-finali. Għall-ewwel, it-tim ma kellux fiduċja li jgħaddi rawnd wieħed. Dan għaliex ma kinux ippreparati sew sabiex jaħdmu flimkien. Però, il-fehma tagħhom inbidlet meta għelbu lill-Middlesex University. Il-moral tat-tim tela' bil-bosta u baqgħu jirbħu ġlieda wara oħra sakemm waslu fil-finali kontra Kent University, fejn il-medalja tad-deheb żelqet minn idejhom. L-għada kienet il-ġurnata tant importanti għal Emma Grech, fejn kellha f 'moħħha biss li tikseb il-medalja tad-deheb fil-kategorija individwali tan-nisa ta' taħt il-61kg. Kellha tliet ġlidiet sabiex tasal fil-finali. L-ewwel ġlieda rebħitha bl-iskor ta' 3-0. Hawnhekk, Emma, kienet għadha naqra eċitata però kienet immexxija sew għal darb'oħra minn Sensei Josef. Però, fit-tieni ġlieda, hija ħarġet b'saħħitha ħafna u rebħet bl-iskor kbir u konvinċenti ta' 5-0. Il-movimenti tagħha kienu wisq veloċi għall-avversarja ta' Emma biex hi tagħmel reazzjoni u għalhekk l-atleta Maltija, bdiet tieħu punt wara l-ieħor. Fis-semifinali, l-avversarja ta' Emma ukoll kienet kemmxejn veloċi u b'saħħitta, però l-Maltija kienet kapaċi tiċċaqlaq u tidħol biex tieħu l-punt fil- ħin preċiż, u b'hekk rebħet bl-iskor ta' 4-0. Fil-finali, Emma ddeċidiet li tikkalma u ma taħsibx ħafna fit-tattika u t-teknika li trid tuża biex tħossha iktar kalma u ffukata. Il-ftit kliem ta' qabel il-ġlieda mingħand is-Sensei tellgħulha l-moral u Emma ħarġet għall- finali b'għan wieħed - dak li tirbaħ. Hekk kif bdiet il-finali, it-tim ta' Emma kien għadu fi draw ta' 0-0. Wara 30 sekonda mill-ftuħ tal-ġlieda, Emma u l-avversarja tagħha qalgħu 'warning', però kif ir-referi saffar sabiex ikomplu l-ġlieda, il-Maltija daħlet b''kezami' u ħadet punt lill-avversarja tagħha. Wara ftit sekondi oħra, ħaditilha punt ieħor bl- istess moviment. Imbagħad fl-aħħar 15-il sekonda, Emma kisbet il-punt tal-aħħar fejn l-iskor finali kien dak ta' 3-0. F'kummenti li għaddiet lil din il-gazzetta, Emma Grech, esprimiet l-emozzjonijiet sinċiera li ħasset f 'dak il-ħin tar-rebħa, fejn hija kienet irrealizzat il-ħolma ta' ħajjitha fil-karate. Hija saħqet li dak il-ħin ħasset qalbha ħierġa bil- ferħ, "sa fl-aħħar stajt ngħid li jien kont sirt iċ-Champion ta' BUCS. Però, dan ir-riżultat qatt ma seta' jinkiseb li kieku ma kellhix lill-familja tissapportjani f 'kull ħin u kull mument, u għalhekk nixtieq ngħidilhom grazzi mill-qalb. L-għan ewlieni tiegħi issa huwa dak li nkompli naħdem u nikkompeti fil-British Open u l-Iscottish Open, fix-xhur li ġejjin," temmet tgħid Emma Grech.