Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/682620
Ix-xogħol f 'Għawdex għall- Għawdxin Hekk kif bdejna r-raba' sena tal-leġislatura, wieħed jibda jistaqsi u jara fejn tkun waslet il-ħidma tal-Gvern fit-twettiq tal-manifest elettorali tiegħu. Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, aħna l-Għawdxin ġejna imwiegħda diversi proġetti u investimenti ta' fejda fosthom xogħol f 'Għawdex stess għall- Għawdxin. F'dan il-qasam, ftit li xejn rajna progress minkejja l-ħafna slogans ta' qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Fejn jidħol is-settur taċ-ċivil, rajna lil dan il-Gvern jagħmel bħal ta' qablu billi joħloq back office work li jista' jsir f 'Għawdex ħalli l-ħaddiema Għawdxin taċ-ċivil li jaħdmu f 'Malta jiġu trasferiti lejn il-gżira tagħna. Fil-fatt, hekk sar u gawdew ftit ħaddiema f 'dan is-settur, li hi ħaġa tajba li għandha titkompla. Fejn jidħlu dawk li jinsabu bla impjieg, inħolqu wkoll diversi skemi tal-ETC anke permezz ta' fondi tal- Unjoni Ewropea fosthom il-famuża skema magħrufa bħala 'Cleaner and Greener' li permezz tagħha, numru konsiderevoli ta' Għawdxin ingħataw xogħol mal-Gvern għal ftit xhur. Propju fl-1 ta' Marzu 2016 ħarġet l-aħbar li diversi minn dawn il-ħaddiema ġew magħżula u ddaħħlu jaħdmu b'kuntratt indefinit ma' kumpanija b'kundizzjonijiet xejn tajba, tant li wieħed jista' jsejjaħ din il-mossa bħala waħda li tinkoraġġixxi x-xogħol prekarju. Żgur li dan mhux ix- xogħol ta' kwalità li aħna l-Għawdxin ġejna mwiegħda mill-moviment tal-progressivi u l-moderati qabel l-aħħar l-elezzjoni ġenerali. Kif jgħid il-manifest Laburista, il-poplu Għawdxi hu poplu bieżel u bi spirtu imprenditorjali, u hu f 'dan il-kuntest li żgur il-miżuri li ħa dan il-Gvern ma jagħtu l-ebda inċentiv biex jagħmel lil Għawdex mutur ekonomiku, iżda jinċentiva politika tal-passat dipenti fuq l-impjiegi mal-Gvern jew ma' kumpaniji privati ssussidjati direttament mill-Gvern fejn tingħata xogħol skont kemm inti kapaċi tilgħaq lill-politiċi. Illum l-Għawdxi ordinarju qed jinduna li fostna nħolqot sistema fewdali ta' pjaċiri, tant li dritt fundamentali bħal mhu dak tax-xogħol, tieħdu biss skont l-alleanzi politiċi tiegħek. Tgħid din hi l-politika li se tagħmilna l-aqwa fl-Ewropa? Fis-settur tax-xogħol, nemmen li hemm bżonn urġenti li jingħataw inċentivi fiskali b'saħħithom biex negozji Maltin u anke barranin jaraw f 'Għawdex opportunità ta' investiment produttiv, u b'hekk jinħolqu mpjiegi ġodda fis-settur privat. F'dan il- kuntest, il-bini tal-fibre optic cable hu fundamentali biex Għawdex ikollu l-infrastruttura meħtieġa biex is-settur privat, speċjalment dak tas-servizzi finanzjarji joħloq l-impjiegi f 'Għawdex, impjiegi ta' kwalità għal gradwati żgħażagħ tagħna. Il-Ministeru għal Għawdex Sfortunament l-ewwel deċiżjoni tal-Gvern Laburista fl-2013 kienet dik li jċekken u jnaqqas l-awtorità tal-Ministeru għal Għawdex billi jneħħi mid-dekasteru tiegħu l-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni. Dan iffisser li llum, l-uniku Sptar Ġenerali f 'Għawdex u l-iskejjel tagħna huma mmexxija minn Ministeri Maltin. Din id-deċiżjoni turi n-nuqqas ta' fiduċja fl-Għawdxin li jmexxu huma stess l-affarijiet tagħhom. Huwa f 'dan il- kuntest li l-privatizzazzjoni tal-istess Sptar Ġenerali f 'Għawdex qiegħda ssir mingħajr l-involviment tal- istess Ministeru ta' Għawdex, kif ukoll mingħajr ebda konsultazzjoni mal-poplu Għawdxi. In-nuqqas ta' pubblikazzjoni tal-kuntratti dwar il-privatizzazzjoni tal-istess sptar ta' Għawdex tkompli titfa' dubji dwar jekk dan il-proġett finalment hux se jkun ta' benefiċċju għall-gzira Għawdxija. Din is-sitwazzjoni qed tpoġġi aktar minn 800 ħaddiem u l-familji tagħhom fi stat ta' inċertezza dwar il-futur tal-għaxjien tagħhom, u dan peress li sal-llum, ma ngħatat l-ebda garanzija mill-Gvern li dawn se jżommu l-impjieg tagħhom. Illum wasal iż-żmien li Għawdex jingħata strutturi ta' awtonomija fuq livell reġjonali. Nemmen li l-proġett tal-Ministeru għal Għawdex għandu jiġi evolut fuq bażi reġjonali billi tingħata struttura reġjonali awtonoma, eletta direttament mill-poplu. Hemm diversi eżempji li wieħed jista' jħares lejhom bħala mudell, fosthom il-Kunsill Ċiviku għal Għawdex li kien jeżisti fis- snin sittin u fil-bidu tas-snin sebgħin. Wasal il-mument li anke skont il-prinċipji bażiku tas-sussidjarjetà li hu wieħed mill-prinċipji ewlenin tal- Unjoni Ewropea, Għawdex jingħata ċ-ċans li jimxi 'l quddiem u dan jista' jsir biss jekk jitmexxa direttament mill- Għawdxin stess. L-Aċċessibblità lejn Għawdex Fejn tidħol l-aċċessibbiltà ta' bejn il-gżejjer, dan il-Gvern għadu ma wettaq l-ebda waħda mill-wegħdi tiegħu tal-manifest elettorali. Smajna ħafna, però s'issa ma rajna xejn konkret jitwettaq. F'din il-leġislatura, rajna lill-Gvern jaħli tliet snin u jqabbad liċ-'China Communications Construction Company', biex tagħmel studju dwar il-bini ta' pont bejn Malta u Għawdex, liema studju rriżulta li l-proġett ma kienx se jkun vijabbli. Issa jidher li dan il-proġett tpoġġa fuq l-ixkaffa u morna lura għall-proġett li kien beda jiġi studjat minn Gvern Nazzjonalista lura fl-2011 biex tinbena mina taħt l-art, bil- possibbiltà ta' għajnuna mill- fondi tal-UE. Naħseb li l-bini ta' mina hu l-uniku proġett vijabbli anke minħabba li għandu effett inqas vizwali fuq l-ambjent naturali ta' pajjiżna. Nemmen ukoll li l-bini ta' tali mina għandu jkun il-prijorità ta' kull Gvern biex darba għal dejjem, l-Għawdxin jingħataw l-istess opportunitajiet bħal Maltin u tinqered l-insularità doppja li ssofri l-gżira Għawdxija kaġun tal-baħar li jaqsam il-gzejjer tagħna. Fir-rigward tal-wegħdi l-oħra dwar l-aċċessibbiltà, dan il-Gvern sal-llum għadu m'għamel xejn. Dawn il-wegħdi jinkludu l-introduzzjoni ta' servizz veloċi bil-baħar, l-hekk imsejjaħ 'fast ferry service' bejn Għawdex u l-viċinanzi tal-Belt Valletta, is-servizz tal-ħelikopter li għandu jkun effiċjenti, affidabbli u sostenibbli u dawn fost aktar wegħdi oħra li jinsabu fil- manifest elettorali Laburista. Li hu żgur hu li għaddew tliet snin mil-leġislatura, u lanqas pjan dwar kif se jitwettqu dawn il-proposti m'għandna f 'idejna, aħseb u ara kemm se narawhom realtà. Għawdex u l-futur Fil-perjodu li fih il- Partit Nazzjonalista ilu fl- Oppożizzjoni, rajna fih tibdil fit-tmexxija u l-bini ta' strutturi ġodda fi ħdanu sabiex jirriflettu l-aspirazzjonijiet tal-poplu Għawdxi. Il-ħatra ta' kumitat reġjonali għal Għawdex hu l-ewwel pass fil-bdil tal-politika tal-Partit favur il-kunċett ta' Għawdex immexxi bħala gżira reġjun awtonoma. Mill-oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed ifassal politika ġdida favur Għawdex, anke permezz tal-policy fora li nħolqu, fejn wieħed minn dawn il-policy fora qed ifassal speċifikament il-politika dwar Għawdex. Il-poplu Għawdxi fix-xhur li ġejjin se jkun mitlub sabiex jagħmel għażla dwar min irid li jmexxi lill-pajjiżna fil-ħames snin ta' wara. Meta jasal dak il-mument, il-Partit Nazzjonalista se jkollu l-politiki kollha lesti biex b'hekk il-poplu jkun jista' jagħmel l-għażliet tiegħu. L-għażla fl-elezzjoni ġenerali li ġejja se tkun waħda ċara ħafna, fuq naħa hemm il-Partit Laburista li m'għandux fiduċja fil-kapaċità tal-Għawdxin li jiggvernaw il-gżira tagħhom stess, għandna Gvern Laburista li wiegħed ħafna proġetti u ma wettaq assolutament xejn minnhom, wieħed jistaqsi x'sar minnhom il-proġetti tal-casino, il-yacht marina u l-cruise liner terminal? Fejn wasal il-proġett tad-dar tal-anzjani? Għandna Gvern li qed japplika l-politika klijentali tal-passat b'sistema fejn il-fewdu jikkmanda u jagħmel il-pjaċiri, u jekk ma tkunx tal-klikka ma tingħatax dak li hu tiegħek bi dritt. Fuq in-naħa l-oħra jinsab il-Partit Nazzjonalista li bħal dejjem jemmen li Għawdex għandu jkun immexxi mill-Għawdxin stess u dan għamlu dejjem b'konsistenza bħal meta ħoloq il-Ministeru għal Għawdex lura fl-1987, tant li jekk ikun elett se jagħti Kunsill Reġjonali b'saħħtu lil Għawdex għal Għawdxin stess. L-Avukat Joseph Attard huwa kandidat ġdid tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex u Kunsillier Lokali fix-Xagħra illum | Il-Ħadd 22 ta' Mejju 2016 Opinjoni 14 Għawdex li rrid ngħix fih JOSEPH ATTARD "Illum l-Għawdxi qed jinduna li fostna nħolqot sistema fewdali ta' pjaċiri, tant li dritt fundamentali bħal mhu dak tax-xogħol tieħdu biss skont l-alleanzi politiċi tiegħek. Tgħid din hi l-politika li se tagħmilna l-aqwa fl-Ewropa?" Ritratt: Ray Attard Illum wasal iż-żmien li Għawdex jingħata strutturi ta' awtonomija fuq livell reġjonali