Illum previous editions

ILLUM 22 May 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/682620

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 35

Il-Ħadd 22 ta' Mejju 2016 | illum Opinjoni 15 Il-qaleb u l-ġbejna D ejjem ngħid li biex wieħed jirrealizza kemm inbidel pajjiżna, għandu jirkeb fuq tal-linja. Meta kont student xi tletin sena ilu, rari kont tara xi barrani fuq tal-linja ħlief għal xi turist. Illum metaq naqbad tal-linja, mhux l-ewwel darba li ninnota li l-Maltin ikunu minoranza. F'ċertu rotot, ħlief barranin ma tarax: nies ta' kull ġens u kulur, min qiegħed fostna biex igawdi u min qiegħed hawn biex jaqla' x'jiekol. Għidtha kemm-il darba qabel: it-termometru tal-ekonomija hija l-popolazzjoni. Dik ta' Malta, minkejja t-tnaqqis enormi fir-rata ta' twelid, dejjem tikber għaliex Malta qiegħda tattira l-barranin li jiġu jgħixu u jaħdmu. Is-suċċess ekonomiku ta' Malta huwa miġbud mis- settur turistiku li dejjem jingrana aktar u dan anke minħabba l-problemi kbar li għandhom pajjiżi kompetituri tagħna. Barra l-oqsma tal- manifattura li għadu u jalla jibqa' jagħti kontribut kbir lill-Prodott Gross Domestiku, żviluppajna qasam finanzjarju li ħoloq ħafna xogħol kif ġara wkoll fis-settur tal- igaming. Kumplessivament, imbagħad, dawn l-oqsma spiċċaw jimpjegaw ħafna barranin. Dawn il- barranin, flimkien mal- Libjani u oħrajn li spiċċaw jgħixu f 'pajjiżna għal raġuni jew oħra bħall- infermiera li qed jaħdmu fl-isptarijiet tagħna, ħolqu domanda kbira għall- postijiet mikrija. Illum, kważi impossibbli ssib tikri xi mkien f 'Malta għal anqas minn €400 fix-xahar. Dan għax anke wara l-liberalizzazzjoni tal-liġi tal-kera fl-1995, is-suq tal-kera għall- Maltin reġa' rxoxta. Bosta huma l-Maltin li jikru qabel ma jakkwistaw dar. Id-domanda għall-kirjiet ħolqot ukoll domanda għall-postijiet x'jinkrew u s-suq tal-bini rpilja wara snin fid-deffa. Inħoloq ċirku virtuż li minnu bosta qed igawdu wara li l-ekonomija għaddiet minn żmien iebes. Mill-banda l-oħra, l-ekonomija f 'Għawdex għadha ma ratx id- dawl. Il-popolazzjoni t'Għawdex dejjem tiċkien għaliex f 'Għawdex hemm problemi kbar u l-gżira qiegħda tilgħab li ma tibqax aktar vijabbli. Għawdex jista' jispiċċa post biex in-nies jirtiraw jew iqattgħu l-weekend imma mill-bqija, bi ftit attività ekonomika u soċjali. Diġà l-għaqdiet volontarji qed igergru li m'għadhomx isibu żgħażagħ għax dawn sparixxew. Marru jaħdmu Malta jew anke barra minn Malta u jiġu forsi fil- weekend biss. U m'hemmx għalfejn ngħidu li r-rata tat-twelid dejjem nieżla 'l isfel. Skont l-istatistika uffiċjali, fl-2013 twieldu 285 mentri mietu 300 f 'Għawdex. Dan meta f 'Malta twieldu 3,841 u mietu 2,936. Matul dawn l-aħħar snin, in-numru ta' twelid f 'Malta kien jaqbeż dak ta' mwiet b'madwar elf fis-sena, mentri f 'Għawdex jew kien anqas jew bejn wieħed u ieħor l-istess. F'Għawdex, medjament ikun hemm mal-mitejn żwieġ kull sena, jiġifieri mas-sittax fix-xahar. Madankollu, hemm min ikkalkula li minn dawn, nofshom jekk mhux aktar, jispiċċaw ma jirrisjedux f 'Għawdex. Jekk wieħed jikkalkula li għandek tmien koppji fix-xahar, jiġifieri mal- mitejn ruħ li ma jibqgħux jipparteċipaw fil-ħajja ekonomika Għawdxija, u dawn jonfqu miżerjament biex jgħixu, medja ta' €15 kuljum kull wieħed, issib li d-domanda għas-servizzi u prodotti tal-konsum f 'Għawdex qiegħda tonqos bir-rata ta' €11m fis-sena. Ifisser ukoll li kull sena, id- domanda għall-postijiet ta' akkomodazzjoni qiegħda tonqos b'xi mija. U dan hu effett kumulattiv u kontinwu, jiġifieri mhux ta' darba biss. Jiġifieri jekk din is-sena t-tnaqqis kien €11m, is-sena d-dieħla se jkun €33m, ta' wara €66m u tibqa' sejjer hekk. Mhux ta' b'xejn li f 'Għawdex issib tikri kemm trid bil-€200 fix-xahar. Bdejna naraw min ma jaffordjax jikri f 'Malta li jdabbar rasu xi mkien f 'Għawdex. Tassew il-forzi tas-suq għandhom ħabta jirrikkalibraw ruħhom. Minkejja l-paroli kollha matul is-snin u d-dikjarazzjonijiet solenni kollha, il-problemi t'Għawdex ma ġewx iffaċjati kif suppost, u l-qagħda dejjem sejra lura. Illum min jinvesti f 'Għawdex jagħmel hekk bħala ġest erojku u patrijottiku u mhux għax jaqbillu jinvesti hemm. Irid jonfoq flus daqs jekk mhux aktar minn Malta u biex jgħix, irid bilfors iħares lejn is-suq ta' Malta. Dan ifisser spejjeż ferm aktar u ħafna aktar traġitt u ħela ta' ħin. Biex tgħaxxaq, is- servizz tal-vapur għal Sa Maison twaqqaf fis-silenzju ġenerali. Meta qabel kien jissemma li dan is-servizz ser jieqaf, tgħidx kemm kienu jqumu rwiefen, u ġustament imma llum tneħħa servizz ieħor għal Għawdex mingħajr ħadd ma tniffes. Barra minn hekk, dawk l-industriji li jridu jibagħtu x-xogħol lest Malta, mhux l-ewwel darba li tħallew jistennew l-Imġarr sabiex il-vapuri jkunu l-ewwel ħelsu mill- kju tal-karozzi. Flok ma titjieb l-aċċessibbiltà għal Għawdex kif dan il-Gvern wiegħed, qed inaqqasha u qisu ma ġara xejn. Il-politika ekonomika tal-Gvern għandha tkun ikkonċentrata biex il- qagħda ekonomika f 'Għawdex tkun simili għal dik ta' Malta, u mhux jiġri bil-kontra. Siġra tista' tibqa' tikber mingħajr ma tindukraha, imma hemm hemm probabbiltà tajba li tlaqqat xi marda jew jattakkaha xi insett. Imbagħad, jekk titfa' l-pitrolju ħdejn l-għeruq tagħha, hemm ċans tajjeb li ser tmur lura u forsi anke tmut. L-ekonomija bħal siġra, jekk ma tkomplix tikber, tmut. Din hija l-isfida tal-Gvern, sfida li jista' ma jagħtix kasha biżżejjed minħabba l-problemi li għaddej minnhom bil-kxif tal-karti tal-Panama. Il-gvern attwali daqq it-trumbetti li huwa favur in-negozju. Imma tali kredenzjali m'għandhomx jissarfu biss billi l-MEPA jew issa li reġgħet ġiet rinkarnata bħala l-Awtorità tal-Ippjanar għamlitha ferm aktar faċli li wieħed jakkwista l-permess li jixtieq. Tassew qed naraw gzuz ta' applikazzjonijiet għall-torrijiet u kumplessi ta' għexieren jekk mhux mijiet ta' appartamenti jiġu approvati. Wieħed jista' joħlom li se nsiru xi Dubai jew Singapore, imma ma nistgħux ninsew li fl-aħħar mill-aħħar, aħna belt ta' anqas minn nofs miljun ruħ. F'xi ħin jew ieħor, il- forza tal-gravità se tidħol fis-seħħ, u dak li jitla' jerġa jinżel. Irridu noqogħdu attenti li fil-ferneżija li hawn, m'aħniex qed nonfħu xi bużżieqa li se tispara u tidrob jew toqtol ħafna nies. Qed joħroġ ukoll aktar ċar li dak li hu għaddej, mhu jservi xejn ta' ġid għall-immaġini tal- pajjiż, u b'mod speċjali għas-settur finanzjarju. Jiena ma naħdimx f 'dan il-qasam, imma milli nisma' u jgħiduli, diġà qed jintilef ix-xogħol minħabba li hawn min qed jibża' jassoċja ruħu ma' Malta. Minn ċentru sigur, qed insiru ċentru b'ħafna mistoqsijiet. Il-Gvern attwali għad jista' jħallas prezz ferm qares għall-mod kapriċċuż kif immaniġġja l-kwistjoni tal-Panama. Imma forsi l-aktar ħaġa li qiegħda tikkomprometti l-kredenzjali favur in- negozju tal-Gvern hija l-mod kif qed jittratta s-suq tax-xogħol. Dan il-gvern Laburista huwa għal kollox differenti minn dak ta' Sant u jixbaħ ferm aktar lil dak tas-snin tmenin f 'dan ir-rigward. Qiegħed bl- aktar mod irresponsabbli jinkoraġġixxi eżodu mis- settur privat għas-settur pubbliku kif kien għamel Karmenu Mifsud Bonniċi fl-aħħar xhur tiegħu. Nies li kienu qed jagħmlu xogħol validu u mħallas sew fis- settur privat, qed jitħajru jidħlu f 'xi skema li fiha taparsi jaħdmu sal-10am jew jidħlu f 'xi kuntratt prekarju. Dan bit-tama li eventwalment jieħdu impjieg tal-fiss mal-gvern. M'hemmx għalfejn wieħed joqgħod jikteb fit-tul għala hawn min jogħġbu impjieg mal-gvern, u dan mhux biss minħabba n-nofstanhari fis-sajf li ħadd ma rnexxielu jneħħiehom. Imbagħad għandek ukoll in-nuqqas totali ta' impenn għat-tneħħija tal-prattiċi anti-kompetittivi fis-suq li ukoll huma ta' ħsara kbira għan-negozju. Donnha l-ministru Helena Dalli jimpurtaha biss mid- drittijiet tal-gays għax dwar din il-ħaġa ferm importanti li wkoll taqa' fid-dikasteru tagħha, qatt ma nisimgħu xejn. Biex nagħtu eżempju, x'sar minnha l-investigazzjoni dwar l-iffissar tal-prezz tad-diesel mill-pompi tal-petrol? Għala dan id-dewmien kollu? Vera li telqu nies validi mid-Direttorat tal- Kompetizzjoni u ma ġewx sostitwiti? U x'qed isir biex dan id-Direttorat jaħdem kif suppost? Għax barra din il-kwistjoni, hemm affarijiet oħra li wieħed irid jiċċara bħar-rati tal-imgħax ipprattikat mill-banek, kif ukoll il-prattiċi bankarji in ġenerali. It-tariffi tat- trasport lejn il-kontinent, li huma pjuttost għoljin ukoll taw lok għal tħassib dwar prattiċi anti-konkorrenzjali. Gvern li jrid jiddandan bil-kredenzjali tiegħu favur in-negozju, ma jistax jittraskura kwalunkwe prattika li timmanipula s-suq. Ma nistgħux inserrħu rasna li l-fatturi kollha li kumplessivament ikkontribwew sabiex qegħdin fl-istat attwali, se jibqgħu l-istess fil- futur. Għalhekk jeħtieġ li noqogħdu attenti biex ma nitilfux il-qaleb u l-ġbejna, għaliex jekk nitilfuhom, ma jkunx faċli li nerġgħu nakkwistawhom. JOE ELLIS "Il-Gvern attwali għad jista' jħallas prezz ferm qares għall- mod kapriċċuż kif immaniġġja l-kwistjoni tal- Panama"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 22 May 2016