Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/682620
illum | Il-Ħadd 22 ta' Mejju 2016 Aħbarijiet 'Qatt m'emmint li hawn faqar sa ma spiċċajt fih jien' minn John Busuttil WARA l-artiklu li deher fl-ILLUM ta' ġimgħa ilu dwar il-problemi li jeżistu f 'pajjiżna dwar li persuna 'single' diffiċli li jsib jixtri jew jikri jekk ikun bil-paga minima, irċevejt messaġġ li ħallieni bla kliem. Messaġġ minn tfajla li filli kienet għaddejja minn ħajja komda u normali u filli sabet ruħha tgħix fil-faqar għax biex ikollha saqaf fuq rasha, ikollha tgħix bl-inqas possibbli. Dwar min eżattament hi u x'jisimha, ma tagħmilx differenza għax ir-realtà u s-sitwazzjoni li sabet ruħha fiha din l-imsejkna tfajla li żgur li bħalha hawn oħrajn, mhix normali. Il-fatt li l-faqar ma jinħassx madwarek ma jfissirx li m'hawnx. Din it-tfajla kienet taħseb li l-faqar hu perċezzjoni sakemm ma sabet ruħha fih hi bi storja li trid taqraha biex temminha. Chantelle (isem fittizju) għandha 28 sena u kitbitli hekk: "Hi John, skużani qed nibgħatlek hawn, imma qrajt l-artiklu tiegħek fuq l-ILLUM tal-Ħadd dwar il- kera u s-self, u ma stajtx ma nibgħatlekx dan il-messaġġ. Jien tfajla ta' 28 sena u għaddejja minn sitwazzjoni simili. Sa sena u nofs ilu kont għaddejja ħajja kważi normali, għarusa u bid-data taż-żwieġ diġà f 'moħħna, u flimkien konna qed infittxu post biex wara li niżżewġu, immorru ngħixu fih. "Sadanittant, l-għarus tiegħi kellu każ il-Qorti, u għalkemm konna mbeżżgħin mis- sentenza, xorta m'affetwat xejn mill-pjani tagħna u r-relazzjoni tagħna. Xtrajt il-post fuq ismi minħabba l-każ tiegħu, u konna għaddejjin tajjeb għax hu kien jaqla €1,000 fix- xahar u jien €750. Kien qed jirnexxielna nfaddlu u ngawdu xi ftit ukoll, anke jekk il-baġit kien ftit limitat. Iżda billi sibna dar antika bi prezz baxx minħabba li għandha bżonn ħafna tiswija u xogħol, stajna nagħmlu dan. L-għarus kien kapaċi jagħmel ħafna xogħol hu, u kien lest li jaħdem fih hu biex ma nidħlux fi spejjeż." Sadattant, sena u xahrejn ilu nqatgħet is-sentenza tal- każ tal-għarus ta' Chantelle u spiċċa intbagħat il-ħabs. Kienet sajjetta fil-bnazzi għalihom, "f 'daqqa waħda sibt ruħi b'paga waħda ta' €750 fix-xahar, bil-loan tad-dar li lħaqt xtrajt fuq ismi u dar li ma stajtx ngħix fiha għax m'għandix biex nirranġaha." Il-problemi komplew jikbru, fejn minħabba ċirkostanzi li t-tfajla ma żvelatx, il-ġenituri tal-għarus tagħha abbandunaw kemm lilha u lil binhom. "Dan filwaqt li jien ġejt imkeċċija mid-dar mill-ġenituri tiegħi għax ma ridux jaċċettaw li jien għarusa ħabsi, anke jekk kont ili sentejn miegħu u qatt ma raw għajnejn ħażina minnu." Dan kien ifisser li riedet saqaf fuq rasha, u sabet 'studio flat' ċkejken li għalih trid tħallas €350 fix- xahar. Qaltli li dak kollu li kienet ġemmgħet, ħarġitu kollu. "Ngħix minn xahar għal xahar għax anke l-għarus jiddependi minni wkoll għax m'għandu lil ħadd. Nassigurak li paga ta' €750, jekk taqta' l-kera u l-loan ma jifdallek xejn. Lanqas biex toħroġ imqar dawra bil-karozza sa ħdejn il- baħar, għax tfisser li naħli l-petrol li jkolli bżonnu għax- xogħol," kompliet tgħidilna Chantelle, li stqarret li qatt ma kienet temmen li jeżisti l-faqar ta' vera u bħal ħafna, kienet taħseb li hu perċezzjoni, "iżda llum li qed ngħix f 'din is-sitwazzjoni naħsibha totalment differenti." Temmet il-messaġġ tagħha billi rringrazzjatna tal-artiklu li ktibna fuq l-ILLUM "għax tal-inqas ħassejt li m'iniex waħdi." Storja ta' żagħżugħa, li emmnet li jista' jkollha ħajja mal-ġuvni li ħabbet. Forsi wieħed jistaqsi għaliex daħlet f 'loan meta kien hemm il-biża' tal-ħabs. Kulħadd kapaċi jipponta subgħajh lejn ħaddieħor meta ma jkunx fl-istess sitwazzjoni hu. Li hu żgur hu, li la hi u lanqas hu qatt ma kienu għaddew minn din l-esperjenza li wieħed jispiċċa l-ħabs. Qatt ma ħasbu li hu se jispiċċa maqful u hi se tispiċċa mkeċċija mid-dar tal-ġenituri tagħha, iżda taqbel jew ma taqbilx, għandha tort jew m'għandiex, żbaljatx jew le fid-deċiżjoni li ħadet, żgur li ma ħaqqhiex tgħix fil-ħajja ta' faqar, u din hi tfajla li taħdem. Ir-realtà hi li din hi sitwazzjoni oħra li turi biċ-ċar li jekk tkun 'single' u b'paga minima, ma tistax tgħix ħajja komda jekk iċ-ċirkostanzi jwassluk biex tikri jew tixtri. Il-faqar ma jfissirx li ma jkollokx x'tiekol, iżda li ma tkunx tista' tgħix bħal ħaddieħor għax dak li taqla' trid tħallsu għal saqaf fuq rasek. Ara wkoll paġni 6 u 7