Illum previous editions

ILLUM 22 May 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/682620

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

illum | Il-Ħadd 22 ta' Mejju 2016 20 L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew imejl illum@mediatoday.com.mt Ittri Stħarriġ dwar it-trasport pubbliku Jimmy Vella, Mġarr QIEGĦED naqra r-rapport dwar it-trasport pubbliku fil-gazzetta 'Illum' tal-22 ta' Mejju 2016, fejn 40% raw titjib fis-servizz. Dwar dan ir-rapport nixtieq nagħmel kumment zgħir. Fl-Imġarr, minn żmien it-trasport l-antik, wara l-Arriva u issa dawn preżenti, qatt ma kellna taħwida daqskemm ġrat issa minn Jannar 2016 'l hawn. Qiegħed nirreferi għall-uniku xarabank li fadal diretta għall-Belt, bin-numru 44. Meta tasal il-Mosta, din iddur darbtejn ma' Vjal l-Indipendenza. Qed tinħoloq taħwida u dewmien għalxejn, u anke l-istess xufiera jarawha żejda u bla sens. Mhux sa nagħti dettalji dwar il-każ għax nieħu spazju kbir mill-gazzetta. Jiena bħala anzjan, ma toħloqlix problema kbira, imma r-rabja tal-passiġġiera, bħal studenti, ħaddiema u nisa tad-dar li jkollhom xi qadjiet; dawn spiċċaw bla kliem! Dan minbarra problemi oħra, fejn fis-sajf jinħassu iktar. Issa l-Imġarr huwa post li ħafna turisti jiġu minn Għajn Tuffieħa, fejn ibatu huma u ahna, li ma ssibx post lanqas bil-wieqfa. Tgħidli m'hemmx il-Kunsill Lokali jieħu ħsieb? S'issa l-affarijiet baqgħu staġnati. San Ġorġ Preca u l-labtu tal-Karmelu Patri Hermann Duncan O.Carm, Balluta KULĦADD jaf li San Ġorġ Preca twieled il-Belt Valletta fi Triq il-Punent qrib is-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu. Il-Familja Preca kienet twajba u għalkemm ma kinux sinjuri, fid-dar kellhom seftura. Darba fis-16 ta' Lulju, is-seftura Filomena ħadet lill-San Ġorġ Preca u lil ħutu għall-passiġata taħt il- barakka ta' isfel ħdejn il-baħar. Dak il-ħin, San Ġorġ Preca kien se jegħreq u ġie meħlus minn barklor jismu Mikiel. Dak il-ħin li kien se jegħreq, missier San Ġorġ, kien qiegħed jitlob fil-Knisja tal-Karmnu fil-Belt billi kienet is- solennità tagħha f 'dik il- ġurnata. Jista' jkun li minħabba f 'hekk, trawmet fih id- devozzjoni lejn il- Madonna tal-Karmnu. San Ġorġ Preca jirrakonta li Mikiel meta kien ħa jmut kien assistit minnu stess mingħajr ma kien jaf. Meta waqqaf is-soċjetà ta' Duttrina Nisranija magħrufa fostna bħala Museum, huwa ried li s-soċji tiegħu jkunu miktuba fil-labtu tal- Karmelu u ħeġġiġhom biex il-labtu dejjem iġibuh fuqhom. Barra hekk, huwa ried li dawk li jieħdu ħsieb is-Sajdiet Musewmini (laqgħat li jsiru barra t-triq fuq suġġetti spiritwali) għandhom iħeġġu lil dawk li jieħdu sehem biex jinkitbu fil-labtu tal- Karmelu. Huwa kien jilbes il-Labtu tal-Madonna tal- Karmelu bħalma kienu San Alfons Maria de Liguori u San Ġwann Bosco u tant qaddissin oħra. San Ġorġ Preca inkiteb bħala terzjarju Karmelitan nhar il-21 ta' Lulju 1918 u fil-professjoni li għamel f 'Settembru 1919, għażel l-isem ta' Patri Franku. F'wieħed mill-kotba tiegħu, "Il-Pulptu ta' Patri Franku", li kitbu fis-snin ħamsin, meta kien diġà anżjan, huwa juża l-isem tiegħu bħala terzjarju Karmelitan fejn jidher bħala għalliem għall-poplu, fejn iħeġġeġ il- bniedem biex jikkonverti. Meta jitkellem dwar il- labtu tal-Karmelu, jgħid hekk: "Marija Sanitissima tħobb lill-bnedmin b'imħabba wisq kbira. L-imħabba tagħha lejna m'għandiex x'taqsam mal- imħabba tagħna lejha, tkun kbira kemm tkun, għaliex l-imħabba tagħha hija ħierġa minn qalb safja u bla tebgħa, filwaqt li l-imħabba tagħna toħroġ minn qalb imtebba' bid- dnub tan-nisel li għalhekk ma tista' tkun qatt bla difett. Billi l-imħabba ma tafx toqgħod moħbija, Marija Santissima tatna l-Labtu Mqaddes tagħha, imsejjaħ tal-Karmelu, u żejnitu b'favuri u privileġġi tal- għaġeb. Hija riedet turi l-qawwa tagħha fih meta hija tatulna b'sinjal tal-aħwa, biex ikollna sehem mill-merti tagħha li ma jistgħux jitfissru." Huwa ma kienx irid li ħadd jabbuża mill-ħniena ta' Alla billi jilbes il-Labtu tal-Karmelu. Infatti fl-aħħar ta' din il karta manwali jgħid, "meta wieħed jaħseb fuq l-imħabba kbira ta' Marija Santissima lejn il-bnedmin billi tatna dan il-Labtu, u fuq il- privileġġi li fih m'għandux jibqa' li ma jinkitibx fih u li ma jagħmilx ħiltu biex ħaddieħor ukoll jinkiteb fih. Biss wieħed għandu joqgħod għassa fuqu nnifsu li ma jżeblaħx il-Liġi ta' Alla bit-tama li l-Madonna taqbeż għalih għax għandu fuqu l-Labtu tagħha. U minn din il-ħaġa, għandu wieħed għalfejn jibża tassew." Tajjeb li wieħed jgħid li San Ġorġ Preca miet fil- parroċċa ta' Santa Venera mmexxija mil-Karmelitani u kien assistit mill- Kappillan ta' dak iż-żmien Patri Kilian Azzopardi. Bħala radd il-ħajr talli San Ġorġ Preca xerred id-devożżjoni lejn il-Labtu tal-Karmelu f 'pajjiżna, l-ordni tagħna ħasbet biex id-9 ta' Mejju jiġi iċċelebrat bħala festa fl-ordni kollu. Is-'Sette Giugno' – Festa Nazzjonali Peter Paul Ciantar - membru tal- Kumitat Festi Nazzjonali LIRVELLIJIET tas-7 ta' Ġunju 1919 huma mfakkrin fl-istorja ta' pajjiżna b'ittri tad-deheb. Għaldaqstant, ta' kull sena, pajjiżna jagħti ġieħ lil din il-ġrajja b'rikonoxximent qawwi ta' Jum Nazzjonali. Il-qofol ta' din it-tifkira jintlaħaq f 'riġlejn il-monument magħruf aktar bħala l-Monument tas-'Sette Giugno'. Dan il-monument, xogħol tal-iskultur Anton Agius, illum jinsab fi Ġnien Hastings wara li ttieħed minn Misraħ San Ġorg ta' quddiem il-Palazz. Din it-tifkira ta' quddiem il-monument issir ta' kull sena lejlet is-7 ta' Ġunju, u għaldaqstant din is-sena se taħbat it-Tnejn, 6 ta' Ġunju. F'din l-okkażjoni, l-Ispeaker tal- Kamra tar-Rappreżentanti, l- Onor. Anġlu Farrugia, jagħmel id-diskors tal-okkażjoni u li fih jelenka x-xogħol li jkun sar fil-Kamra tar-Rappreżentanti u l-ħsibijiet tiegħu għal quddiem. Naturalment kollox ikun marbut mal-irvellijiet li saru l-Belt, magħrufin aktar bħala s-'Sette Giugno'. Din it-tifkira tat-Tnejn, 6 ta' Ġunju tibda fit-3.45 p.m. bil- Banda tal-Pulizija timmarċja minn Misraħ San Ġorg, Triq ir-Repubblika u tidħol Ġnien Hastings. Wara, għall-ħabta tal- 4.15 p.m., jaslu l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni; u wara l-Ispiker tal-Kamra jagħmel id-diskors tiegħu (din is-sena jkun it-tielet wieħed għall-Onor. Anġlu Farrugia). Wara dan id-diskors, tindaqq fanfara u tiġi osservata minuta silenzju li matulha, il-ħsibijiet ta' dawk preżenti żgur li jmorru lejn l-erba' vittmi li tilfu ħajjithom: Manuel Attard minn Tas-Sliema (ġuvni milqut f 'rasu li miet minnufih); Ġużeppi Bajjada, Għawdxi (milqut f 'ġenbu); Lorenzo Dyer mill-Birgu (miet b'tir ta' twissija - Dyer ma mietx mill-ewwel, beda jiġri u miet fi triq ħdejn l-Uffiċċju tad-'Daily Malta Chronicle'); u Karmenu Abela mill-Belt (li miet b'daqqa ta' bajjunetta ġranet wara, fis-16 ta' Lulju, nistgħu ngħidu intortament għax mar isejjaħ lil ibnu). Għad hawn nies tal-familja Abela ħajjin u nhar it-Tnejn huma wkoll se jpoġġu kuruna tal-fjuri. Din iċ-ċerimonja ta' tifkira tinkludi wkoll tqegħid ta' fjuri f 'riġlejn il-monument minn Mr. Spiker, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Partiti Politiċi u l-Korpi Kostitwiti. L-Innu Nazzjonali jtemm din l-okkażjoni. Iżda din it-tifkira tagħna tas- Sette Giugno tkompli l-għada, jum il-Festa Nazzjonali. Hawn issir ċerimonja qasira iżda tassew sinifikattiva meta l-Kumitat Festi Nazzjonali, li huwa responsabbli mill- attivitajiet tal-Jiem Nazzjonali u mmexxi miċ-Chairperson Joyce Guillaumier, ipoġġi kuruna ta' fjuri fuq il-qabar tal-vittmi tas-7 ta' Ġunju, 1919 li hemm fiċ- Ċimiterju tal-Addolorata. Din iċ-ċerimonja ta' tifkira tibda fid- 9.30 ta' filgħodu. Naturalment hawn ukoll tiġi osservata minuta silenzju. L-irvellijiet li ġraw il-Belt fis-7 ta' Ġunju, 1919 kienu ilhom jinħmew għax f 'dawk iż-żminijiet f 'pajjiżna kien hawn għaks kbir, kien hawn nuqqas ta' dqiq u għoli sfrenat tal-ħajja, speċjalment il-ħobż. Mhux biss, imma kien hawn ħafna sensji, l-aktar fit-Tarzna. Erbgħa li isimhom jidher mal- Monument tas-Sette Giugno tilfu ħajjithom, filwaqt li għaxra oħra ndarbu. Iżda nixtieq intemm din il-kitba dwar din il-ġrajja mdemmija b'vers li nebbaħni bih is-Sur Eddie Attard, riċerkatur. Dan qalli li fil- gazzetta Taljana 'L'Unita' tat-12 ta' Ġunju, 1919 issemma li kien hemm seba' vittmi f 'din il-ġrajja storika. Interessanti li l-istudjużi tagħna jkomplu jfittxu dwar din il-paġna tassew importanti fl-istorja ta' pajjiżna.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 22 May 2016