Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/682620
illum Il-Ħadd 22 ta' Mejju 2016 Sports 30 It-Triq lejn il-Euro 2016 Grupp A (Franza, Rumanija, Albanija, Svizzera) Franza Mingħajr dubju, Franza jibdew din il-kompetizzjoni bħala l-favoriti assoluti għat-trijonf finali li jekk jasal, ikun it-tielet darba kemm bħala numru ta' Kampjonati Ewropej mirbuħa kif ukoll bħala numru ta' tournaments maġġuri li ntrebħu meta ntlagħbu fi Franza, wara l- Kampjonati Ewropej tal- 1984 u t-Tazza tad-Dinja tal-1998. Madankollu, l-entużjażmu li hemm fit- tim nazzjonali Franċiż ġie mtappan mill-kwistjoni bejn Karim Benzema u Mathieu Valbuena, bl- attakkant ta' Real Madrid ġie maqtugħ barra mill- iskwadra Franċiża, biex b'hekk il-kowċ Didier Deschamps se jkollu jgħaddi mingħajr attakkant importantissimu. Minkejja dan, fl-attakk għandu għażla vasta minn fejn jagħżel u forsi tkun sorpriża jekk l-ekskowċ ta' Juventus, itella' lil Andre- Pierre Gignac, li madwar staġun ilu ħalla l-Ewropa biex imur jilgħab fil- Kampjonat Messikan, ma' Tigres. Tkun ta' sorpriża għall-fatt li jkun preferut minflok attakanti Franċiżi li jilagħbu fl-Ewropa, għaliex ta' min isemmi li minn meta Gignac ingħaqad ma' Tigres, dawn tal-aħħar telgħu fil-finali kemm tal-Copa Libertadores, kif ukoll taċ-Champions League tal-Amerika ta' Fuq. Franza għandha tim b'saħħtu, fejn kważi kważi għandha tliet plejers ta' kalibru f 'kull irwol, però wieħed għandu josserva sew is- settur ta' nofs il-grawnd, fejn minbarra l-midfielder eċċezzjonali u talentuż Paul Pogba, jaf ikollna s-sorpriża li ġġib l-isem ta' N'Golo Kante, fejn ftit tas-snin ilu kien għadu jilgħab fit-Tmien Diviżjoni ta' Franza, filwaqt li din is-sena rebaħ il-Kampjonat Barclays Premier fl- Ingilterra ma' Leicester City. Rumanija Meta tisma' l-kelma Rumanija fl-ambitu kalċistiku, l-ewwel ħaġa li se tiġik f 'moħħok huwa l-eksplejer, Adrian Mutu. Mutu kien jilgħab ma' Chelsea u Juventus fost klabbs oħra, li iżda spiċċa ħela l-karriera tiegħu minħabba każijiet regolari ta' doping. Wara li naqsu milli jikkwalifikaw għall- Kampjonati Ewropej tal- 2012, ir-Rumanija se tkun qiegħda tagħmel ir-ritorn tagħha fi grupp fejn forsi qed tiġi kkunsidrata li tgħaddi bit-tielet post, però jkun żball jekk nonqsu milli nirrispettaw lil din l-iskwadra. Dan hekk kif dan huwa tim li matul il-partiti ta' ħbiberija ġab riżultati pożittivi, fosthom id-draw ta' 0-0 ma' Spanja li seta' faċilment spiċċa f 'rebħa għalihom. Barra minn hekk, ir-Rumanija għandhom il-lussu ta' żewġ goalkeepers promimenti u ta' esperjenza kbira, li mhux kull nazzjonal għandu bħalhom. Dawn huma Costel Pantilimon li jilgħab ma' Watford, u Ciprian Tatarusanu, li huwa l-goalkeeper numru wieħed tat-tim Taljan ta' Fiorentina. Għad- dilettanti tal-futbol, żgur mhuwiex ġdid l-isem ta' Anghel Iordanescu, li attwalment huwa l-kowċ tat-tim nazzjonali Rumen, iżda li għamel isem għalih fl-istaġun 1985/1986, meta r-Rumeni ta' Steaua Bucharest ittrijonfaw fit-Tazza taċ-Champions. Riżultat prestiġġjuż f 'dawn il-Kampjonati Ewropej kapaċi jkun fundamentali għall-futbol Rumen li bħalissa għaddej minn baħar imqalleb hekk kif ħafna mit-timijiet jinsabu fi kriżi finanzjarja, fejn fost il-każijiet partikolari insibu lit-tim ta' Otelul Galati, li ftit tas-snin ilu kienu wkoll fil-UEFA Champions League flimkien ma' Manchester United, issa qegħdin ibigħu kollox għaliex jinsabu mingħajr ebda ċentezmu fil-bwiet tagħhom, hekk kif jinsabu falluti għal kollox. Albanija Il-futbol bħall-ħajja, ma jiqafx jissorprendina bl-istejjer. Pajjiż li sar biss Repubblika fl-1991 u minkejja l-kunflitti li għadda minnhom, għadu għaddej b'kunflitti oħra, partikolarment mas-Serbja rigward is-sitwazzjoni tal-Kosovo. L-Albanija rnexxielha tgħaddi għall- Kampjonati Ewropej, fejn sa ftit taż-żmien ilu bħala tim nazzjonali Malti konna nħabbtuha magħhom u anke saħanistra nieħdu l-punti magħhom. Fuq nota apparti, il-Kosovo għadhom kif ġew aċċettati mill-UEFA u aktarx se jiġu aċċettati mill-FIFA wkoll. Sabiex nibqgħu fit-tema Kosovo, insemmu wkoll li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-kwalifikazzjoni tal- Albanija espandew sal-Kosovo, fejn hemm maġġoranza Albaniża u barra minn hekk, hemm plejers li qegħdin fin- nazzjonal Albaniż, li twieldu l-Kosovo. Din il-kwalifikazzjoni hija waħda sorprendenti għaliex plejers bħal Xherdan Shaqiri, Valon Behrami u Granit Xhaka, għażlu li jilagħbu għall-Iżvizzera, minflok l-Albanija. Minkejja dan iżda, il-kowċ Gianni De Biasi flimkien mal-Assoċjazzjoni tal- Futbol Albaniża, ħadmu ħafna sabiex jattiraw plejers li kellhom passaport Albaniż, sabiex jissaħħew u eventwalment jagħmlu l-impensabbli. Anedottu interessanti fuq l-Albanija huwa li l-uniċi żewġ trofej li rebħu, kienu t-Tazza tal-Balkani tal-1946 u r-Rothmans Cup tas- sena 2000 li kienet saret propju ġewwa Malta, fejn l-Albanija kienu għelbu lit-tim nazzjonali Malti bl- iskor minimu ta' 1-0. Żvizzera It-tim nazzjonali tal- Iżvizzera sar tim li jikkwalifika b'mod regolari għal tournaments maġġuri minn meta għadda għall- Kampjonati Ewropej tal- 2004. Madankollu, dan is- sajf huma se jkunu qegħdin jittamaw li jikkwalifikaw għall-ewwel darba mill- fażi tal-gruppi. Biex jilħqu dan l-għan, żgur li jridu jevitaw li jkollhom bidu diffiċli, bħalma kellhom fil-kwalifikazzjonijiet minkejja li għaddew xorta waħda. Wara t-tim ta' Franza, l-Iżvizzera huma meqjusa bħala favoriti li jgħaddu magħhom, iżda żgur li din mhux se tkun xi ħaġa faċli, speċjalment meta tikkunsidra li se jkunu fl-istess grupp mal-Albanija, fejn iż-żewġ pajjiżi se jkunu qegħdin jutilizzaw plejers li twieldu miż-żewġ pajjiżi. Infatti, iż- żewġ pajjiżi ħadmu ħafna fuq programm ta' żvilupp li kien jinkludi żgħażagħ immigranti, fejn mhux l-ewwel darba li ż-żewġ assoċjazzjonijiet iġġieldu għall-istess plejer. L-ewwel parti It-tim nazzjonali Franċiż