Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/614943
Lejn l-aħħar tas-snin sittin u l-bidu tas-snin sebgħin, id-delizzju tal- karozzi kien daħal sew. Bħal kollox f 'Malta, daħal sens ta' tribuwiżmu fejn wieħed jew ikun ma' naħa jew mal-oħra. Filwaqt li dawk li kellhom xi sold jew tnejn kienu qegħdin fi klassi għalihom b'karozzi bħal jaguar e type, Aston Martin jew xi Lancia, id- dilettant ħaddiem kien ħafna drabi jkun jew mat- tribu tal-Mini Cooper jew dawk tat-Triumph Spitfire. Tat-Triumph kienu jgħajru lil tal-Mini 'gabjetta' minħabba ċ-ċokon tal- karozza u tal-Mini kienu jgħajru lil tat-Triumph 'karretun' minħabba d-disinn antikwat tas- suspension ta' wara. Piki u tlielaq ma kinux jonqsu f 'toroq bħal Tal-barrani, Ta' Pinnellu u l-Armier. Il-vantaġġ tal-Mini kien fid-dawriet, u mill-banda l-oħra, d-difett tagħha kien wara t-tieni jew it-tielet tiġrija, it-temperatura tal- magna kienet tibda tiela. Il-produzzjoni tal-massa kienet daħlet sewwa fl- Ewropa u l-ġlieda bejn il-kumpaniji biex iżommu il-prezzijiet kompetittivi kienet żdiedet. Ħafna ditti kbar bħall-Ford, BMC, Fiat, Renault u Vauxhall bdew jindunaw li t-triq 'il quddiem fl-isport tal- karozzi kien li minflok jibnu karozza speċifikament għall-isport, jimmodifikaw karozza komuni. Din kella żewġ vantaġġi: l-ewwel, li kienet tiswa ħafna inqas biex tiproduċiha, u t-tieni, li meta dawn il-karozzi jagħmlu suċċess u jidhru fil-gazzetti u t-televixin, ikunu qegħdin jirreklamaw il-verżjoni bażika wkoll. Ħaddiem li ma setax jixtri l-verżjoni sportiva seta' jixtri l-verżjoni bażika u joħlom kemm irid. Dawk tat-tribù Triumph bdew jindunaw li kienet battalja mitlufa kontra l-Mini għaliex iktar ma beda jgħaddi żmien, it- tipika sports car Brittanika, li tinkixef u b'żewġ bibien bdiet tiġi estinta. Il-Mini Cooper S kienet qiegħda tiddomina u tagħmel suċċess mondjali waqt li timbarazza ditti kbar bħal dawk imsemmijin fil-bidu. Il-Ford bdew jissemmew regolarment b'karozzi bħal Lotus Cortina u l-Escort Twin Cam, Mexico u RS fost oħrajn. Is-suċċess mondjali tal-Ford fid-dinja tal- Motorsport kienet waħda fenomenali f 'kull qasam fostom fir-Rally, Le Mans u Formula 1. Il-mudell bażiku tal-Escort u l-Mini kienu qegħdin jinbiegħu bħall-pastizzi, b'numri jaqbżu l-milljuni fl-Ewropa. F'Malta, dan il-fenomenu ma kienx b'inqas. Għall-ewwel darba, karozzi tal-ħaddiem kienu qegħdin jieħdu l-unuri u mhux biss karozzi bħal Ferrari, Porsche u Mercedes. Il-ħaddiem seta' jmur ix-xogħol bil- Mini jew Escort tiegħu, jipparkja fejn il-karozza lussuża tal-imgħallem u jidħol ix-xogħol b'rasu 'l fuq konxju li l-karozza tiegħu taqsam ftit 'mid-DNA' tagħha, ma' dik li kienet għadha kif rebħet it-tiġrija ġewwa Monte Carlo. Il-pika f 'Malta issa evolviet bejn id-ditti, dawk tal BMC (bil-Mini), dawk tal-Ford (bil-Cortina, Escort, Anglia u Capri) u dawk tal-karozzi Taljani (Fiat, Lancia u Alfa). Minħabba l-pagi baxxi li Malta dejjem kellha meta ikkumparata ma' pajjizi oħra Ewropej, ftit kienu dawk li setgħu jixtru l-verżjoni sportiva ta' dawn il-karozzi. F'pajjiżi bħar-Renju Unit, wara ftit snin diġà kien hemm minn dawn il-karozzi sportivi li sabu ruħhom fuq xi muntanja ħadid ġo xi 'scrap yard' jew għall- bejgħ bi prezz ridott ħafna. Fis-snin sebgħin, kien hawn ħafna Maltin li kienu mitħla sewwa tal-Ingilterra, jew għax kienu jgħixu hemm jew għax kienu żaru dal- pajjiz għal xi skop jew ieħor. Minkejja dan, xorta Malti ma setgħax jaqbad u jimporta karozza użata mingħajr ma jħallas ammont mhux ħażin f 'dazju. Kien propju minħabba dan l-iżvantaġġ li l-Malti ma setax jixtri karozzi ta' ċertu prezz, li mbagħad iġiegħlu jmidd idejh, u b'hekk jimmodifika l-karozza li kellu. Il-Maltin ma naqsux milli jimpurtaw magni u partijiet oħra ta' karozzi minflok karozza sħiħa, sewwa jgħid il-Malti, "Jekk ma tidħolx mill-bieb, tidħol mit-tieqa." Smajt stejjer interessanti fuq l-importazzjoni tal-parts, fostom dik ta' żewġ Maltin li telgħu l-Ingilterra b'karozza Mercedes u reġgħu niżlu lura b'magna ta' Mini ġol-bagoll. L-importazzjoni u twaħħil ta' magni f 'Malta sar parti mill-kultura tagħna, li kompla jiġi aċċentwat wara l-kriżi mondjali taż-żejt meta bdew jiġu importati u mwaħħlin magni diesel, tista' tghid kważi fuq kull tip ta' karozza. Il-Mini baqgħet tirrenja fit-tiġrijiet b'ħafna dwawar waqt li l-Escort Mk1 baqa' jiddommina fi tlielaq għad- dritt fuq runways antiki ġewwa Ta' Qali u Ħal Far sa anke fil-bidu tas-snin 2000. Kien minn hemm li twieldu ż-żewġ forom ta' sport f 'Malta, dak tal-hill climb u dak tal-kwart ta' mil. Escorts li bdew il-ħajja tagħhom b'magna 1100cc jew 1300cc spiċċaw b'magni 1600cc u 2000cc impurtati. Il-Mini kienu jżommu l-istess magna, però tiġi mmodifikata mhux ħażin. Mekkaniks Maltin saru esperti fuq dawn il-magni u dan il-fenomenu ta' armar u tat-twaħħil ta'magni ikbar baqa' sejjer fuq karozzi Ford iktar moderni bħal Sierra, Fiesta u Escort fis-snin disgħin. Mhux l-ewwel darba li Malta ssemmiet fost dilettanti tal-Ford madwar l-Ewropa bħala l-Mekka tal-Escort Mk1. Biex inkunu għidna kollox, li kieku Malta ma kella l-ebda konnesjoni mar-Renju Unit u kienet kolonja tal-Italja, bla dubju li l-karozzi Taljani kienu jiddominaw ħafna iktar. Illum, ix-xena nbidlet u wieħed jara varjetà ħafna ikbar ta' karozzi jikkompetu. Minħabba liġijiet tal-Unjoni Ewropea, sistema differenti ta' intaxxar u teknoloġija ħafna iktar ikkumplikata, in-nies saru jixtru karozzi sportivi lesti waqt li l-immodifikar isir minn fuq xi 'laptop'. Dik l-era u iċ-ċirkustanzi tagħha ħolqot ġenerazzjoni ta' nies kapaċi hafna fl- arti tas-sewqan, inġinerija, tiswija, armar u twaħħil ta' magni li tagħmel lil ħafna Maltin oħra kburin ta' li rnexxielna niksbu bi ftit riżorsi f 'pajjiż daqshekk żgħir. Il-Ħadd 13 ta' Diċembru 2015 | illum 27 Vetturi Ingranat Il-Kilba għall-veloċità - It-Tieni Parti Andrew Pisani Karozza tat-tip Escort Karozza tat-tip Mini