Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/618153
18 illum | Il-Ħadd 20 ta' Diċembru 2015 'Tis the season to be jolly,' tgħid waħda mill-aktar kanzunetti famużi tal-Milied! imma tgħid hu hekk għal kulħadd? Għal ħafna nies, l-istaġun tal- vaganzi b'mod speċjali żmien il-Milied li jibda biż-żmien liturġiku tal-Avvent u jibqa' sejjer sa wara l-ewwel tas-sena, huwa kollox barra ferħ! Huwa fatt irriċerkat li dan iż-żmien tas-sena jikkawża dwejjaq u dieqa f 'numru kbir ta' nies u saħansitra anke jinstiga li l-iżvilupp ta' dipressjoni li tkun ilha taħt il-wiċċ għal diversi xhur. Id-dwejjaq waqt żmien il-Milied huma problema pjuttost komuni anke jekk dawn jintilfu fit-tiżjin u t-tlellix li dawn il-ġranet iġibu magħhom. Ħafna nies iħossuhom imdejjqin għal raġunijiet varji fosthom il-ħtieġa li nixtru ħwejjeġ u rigali u li allura dan iwassal għal spejjeż żejda u li rridu nagħmlu aktar l-almu tagħna biex nidhru sew f 'kull attività u festin li mmorru! Ukoll, għal ħafna, il-Milied iġib miegħu memorji ta' persuni għeżiez li jkunu ħallewna u allura jittamaw li daż-żmien jgħaddi ma jdumx. Raġunijiet oħra li jista' jkun joħolqu diqa fil- persuna, jistgħu' jkunu wkoll xi relazzjoni li tkun intemmet jew ħbiberiji li spiċċaw, kif ukoll xi għan li ma jkunx intlaħaq. Partikolarment, jista' jkun hemm aktar tensjoni jekk minħabba d-dipressjoni, wieħed ikun żied fil-piż jew naqqas mill-attenzjoni ta' kemm jagħti każ tal- apparenza. In-nies li jkunu għaddejjin minn żmien ta' dipressjoni, ġeneralment imorru għall-agħar f 'dawn il- ġranet minħabba li jħossuhom li mhumiex kapaċi jifirħu u jieħdu gost bħall-kumplament tan-nies. Iħossu anke l-piż ta' sensazzjoni interna ta' vojt, speċjalment jekk dan l-episodju ta' dipressjoni ma jkollux kawża u sors ċar ta' minn fejn beda. Raġuni oħra għala ħafna nies jesperjenzaw id-dwejjaq jew saħansitra d-dipressjoni f 'dan iż-żmien, huwa għax iħossuhom waħedhom aktar minn żminijiet oħra. Ilkoll naqblu li dan huwa sentiment ikrah u li anke jmur kontra n-natura tal-bniedem. Huwa fatt interessanti kif il-bnedmin ta' żmien ilu dejjem kienu jfittxu li jgħixu fi gruppi. Infatti, dawk li kienu jgħixu mal-periferija tat-tribù kienu jiffaċċjaw riskji miżjuda bħal ngħidu aħna ġuħ, riskju li jiġu attakkati u mewt bikrija. U għalhekk il-bniedem evolva dawk li jidhru li huma reazzjonijiet bijoloġiċi biex dejjem ikun aktar soċjali. Fi kliem sempliċi, meta persuna tħossha iżolata mill- kumplament tal-komunità, hemm ċans li din tibda turi mġiba nervuża u anke tesperjenza sintomi negattivi fil-ġisem tagħha. Il-ġisem jirreaġixxi billi jipproduċi aktar kimiċi u ormoni relatati mal-istress li jwasslu għal infjammazzjoni u jkun ukoll aktar dgħajjef li jiġġieled infezzjonijiet. Dawn it-tibdiliet fil-ġisem jistgħu b'xi mod jispjegaw ukoll għaliex ħafna nies li jħossuhom waħedhom f 'dan iż-żmien, ikollhom abbundanza ta' ormoni relatati mal-istress u sistema immunitarja dgħajfa. X'tista tagħmel biex tħossok aħjar f 'dan iż-żmien? Hemm diveri affarijiet li persuna tista' tagħmel biex tħossha aħjar f 'dawn iż- żminijiet ta' festi. Lil dawk li għaddejjin minn żmien iebes ngħidilhom li: - Jekk tħoss li d-dipressjoni hija waħda serja jew id- dwejjaq huwa insapportabbli, fittex minnufih l-għajnuna ta' professjonist li inti tafda - Stabbilixxi limitu rigward l-flus li se tonfoq fuq rigali u waqt avvenimenti soċjali - Ipparteċipa jew ingħaqad ma' xi grupp fil-lokalità tiegħek jew għati ftit mill-ħin tiegħek lil min għandu aktar bżonn. Meta aħna nagħtu, tiskanta kemm nirċievu aktar lura, forsi mhux fi flus imma fi gratitudni u ferħ - Kun grat għal dak li għandek fil-ħajja, aktar milli tiffoka fuq dak li inti m'għandekx - F'dan iż-zmien tal-Milied, evita li tixtarr u taħseb b'mod eċċessiv dwar il-ħajja tiegħek - Kemm jista' jkun, evita t-tgergir u agħmel affarijiet interessanti u ta' gost - Jekk inti Kattoliku, ikun sabiħ li tieħu sehem fl- attivitajiet tal-Knisja li jiffokaw fuq it- tifsira vera u allura inqas materjalistika tal-Milied. Hemmek tista' tiltaqa' anke ma' xi ħbieb ġodda - Tiddejjaq xejn issaqsi biex toħroġ ma' xi grupp ta' ħbieb li forsi ilek ma tara. Ftakar li kulħadd jista' jiġi bżonn xulxin xi darba jew oħra fil-ħajja. Evita li toqgħod waħdek speċjalment f 'jum il-Milied u f 'jum l-ewwel tas-sena Inti li qed taqra dan l-artiklu, u li forsi taf lil xi ħadd li għaddej minn żmien diffiċli, evita li tuża diskors bħal 'nifhmek,' 'għandek kollox tajjeb, għandek tħossok ferħan,' 'ejja, m'għandekx għalfejn tħossok imdejjaq, bħalissa żmien il-Milied,' 'Cheer up,' u kliem ieħor simili. Għalkemm nemmen li l-intenzjoni tkun waħda ġenwina, il-bniedem li jkun qed jirċievi dawn it-tip ta' kummenti hemm ċans li jħossu aktar ħażin. Kliem bħal miskin, iwasslu għal sentimenti ta' debbolizza. Nistgħu nkunu aktar empatiċi billi ngħidu, "għandek raġun tħossok hekk...biss jiena se nkun hemm għalik jekk tiġi fil- bżonn. Tkun trid, mingħajr ma nisfurzak, oħroġ magħna." Nispiċċa billi nagħmel appell biex apparti li nkunu ġenerużi fil-flus waqt il-ħafna attivitajiet ta' ġbir ta' fondi, inkunu anke sensittivi fil-kliem u fl-għemil man-nies viċin tagħna. Żgur li hemm xi ħadd madwarna li jħossu waħdu, imdejjaq u maqtugħ għalih. Ibgħatlu messaġġ jew ċempillu! Kapaċi dak ikun l-iktar rigal speċjali li stajt tagħti dan il-Milied. Awguri! Dr Nicholas Briffa huwa psikologu kliniku u qed jispeċjalizza fis-sesswoloġija Opinjoni nicholas briffa Il-Milied ta' kulħadd, anke ta' min ibati bid-dipressjoni "In-nies li jkunu għaddejjin minn żmien ta' dipressjoni ġeneralment imorru għall- agħar f 'dawn il-ġranet għax iħossuhom mhux kapaċi jifirħu u jieħdu gost"