Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/618153
10 illum | Il-Ħadd 20 ta' Diċembru 2015 Feature Feature Ir-raġel bil-baffi, is-siġra u Betlehem Kollha f 'moħħna din il-ġimgħa minn Mark Borg DAN il-perjodu tal-Milied għal ħafna nies huwa fost l-isbaħ tas-sena. It-tiżjin u d-dwal fid- djar, il-knejjes u t-toroq, l-innijiet tal-Milied, l-ikel assoċjat ma' dawn il-festi kollha jikkonfoffaw biex jeċitaw liż-żgħar u anke lil dawk li m'għadhomx daqstant żgħar. Dawn saru tradizzjonijiet, u fost il-ħafna tradizzjonijiet assoċjati mal-Milied, l-ILLUM se tiffoka fuq tlieta partikolari. Minn fejn tiġi t-tradizzjoni tas-siġra tal-Milied? X'simboliżmu għandha? Min huwa l-vera Santa Klaws? U liema huwa l-qaddis li ntroduċa l-kunċett tal-presepju fl- Italja? Santa Klaws Dan ir-raġel xwejjaħ li jgħix ħajtu kollha fil- kesħa tal-Artiku u f 'jum wieħed tas-sena, fl-24 ta' Diċembru, jirkeb is-slitta tiegħu miġbud miċ-ċriev u jwassal rigal lil kull tifel u tifla, sar protagonist prinċipali tal-Milied. It-tfal iż- żgħar jemmnu f 'dan il-persunaġġ b'mod ferventi, probabbli għax jibżgħu li jekk jieqfu jemmnu fih, ir-rigali mistennija b'tant ħerqa ma jaslux. Hemm diversi teoriji dwar l-oriġini ta' dan il-karattru iżda probabbli ġej minn taħlita ta' persunaġġi oħra minn diversi tradizzjonijiet differenti. F'Malta, bit-tradizzjoni Kattolika tagħha, ġeneralment nagħtu l-aktar importanza lil San Nikola għall- oriġini ta' dan il-personaġġ. San Nikola, li kien jgħix fl-Anatolja fir-raba' seklu li dak iż-żmien kienet tagħmel parti mill-Imperu Ruman (illum parti mit-Turkija), kien Arċisqof li ħa sehem fl-ewwel Kunsill ta' Niċea li ħoloq it-talba tal-Kredu li għadha tingħad f 'kull quddiesa sal-lum. Personaġġ ieħor li influwenza l-oriġini ta' Santa Claus kien Father Christmas mit-tradizzjoni Ingliża. Fil-fatt, illum il-ġurnata Santa Claus u Father Christmas inqisuhom bħala l-istess personaġġ, imma dan mhux dejjem kien hekk. L-ewwel apparenza ta' Father Christmas kif nafuh illum, jiġifieri raġel xiħ kemxejn oħxon, b'daqna kbira bajdanija u liebes ħwejjeġ ħomor u ħodor, il-kuluri li saru sinonimi mal-Milied, kien fi żmien ir-Re Enriku VIII fis-seklu sittax. Iżda għat-tfal kollha madwar id-dinja, l-unika ħaġa mportanti hi li Santa Claus jibqa' jġib dawk ir-rigali, kif kien iġib ir-rigali lill- ġenituri tagħhom qabilhom. Huma ftit id-djar f 'Malta li fi żmien il-Milied ma joħorġux il-presepju u l-pasturi biex ifakkru l-istorja tat-twelid ta' Ġesù. Illum il-ġurnata ssib tixtri presepji ta' kull għamla mill- ħanut. Fil-passat konna nagħmluhom mill-kartapesta u mbagħad niżbgħuhom u nwaħħlu ftit fergħat ta' pjanti u biċċiet tas-sagħtar. Din it-tradizzjoni hija l-aktar waħda viċin tat-tifsira reliġjuża tal-Milied u tmur lura madwar 400 sena. Xejn aħjar mill-presepju ma jfakkarna f 'dak li suppost qed niċċelebraw fil-Milied…it-twelid ta' Kristu. Barra mill-presepji fid-djar, insibu salt presepji li jittellgħu fid-diversi bliet u rħula Maltin u Għawdxin, u ħafna minnhom saru attrazzjoni kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti f 'dawn iż-żminijiet. Il-pasturi tax-xama' jew taċ-ċaqquf jagħtu espressjoni artistika lill-presepji u fihom wieħed jista' japprezza t-talent, tajjeb jew mhux daqstant tajjeb, ta' dawk li għamluhom. L-oriġini tal-presepju probabbli ġejja mix-xeni nattivi, l-ewwel waħda dik magħmula minn San Franġisk t'Assisi fl-1223 fi Greccio l-Italja, li tagħmilha waħda mill- aktar tradizzjonijiet tal-Milied antiki. F'Malta fortunatament, din it- tradizzjoni għadha ħajja u ħafna Maltin għad għandhom interess fl-armar tal-presepju kull sena fil-Milied. Il-Presepju Is-Siġra tal-Milied Waħda mill-attivitajiet assoċjati mal-Milied li t-tfal jistennew b'ħeġġa kbira hija t-tiżjin tas-siġra tal-Milied. Hekk kif jasal Diċembru, jinħarġu d-dekorazzjonijiet, blalen ikkuluriti, stilel, anġli, dwal u xinxilli li b'għoxa kbira jdendlu fuq il-fergħat tas-siġra. Ovvjament, l-intenzjoni prinċipali tagħhom hi li r-rigali jitpoġġew taħtha fil-Milied. Is-siġar minn dejjem kellhom simboliżmu speċjali f 'diversi pajjiżi u kulturi madwar id-dinja. Diversi pajjiżi għandhom siġra speċjali li jsejħulha s-siġra tal-ħajja. Din tista' tkun siġra tal-ġewż tal-Indi (coconut) fil-Paċifiku jew is-siġra tat- tin (Banyan) fl-Indja, jew siġar oħra f 'pajjiżi oħra. U fi żmien meta bosta nies jinsabu mħassbin fuq it-tibdil fil-klima, illum ftit huma dawk li ma jafux kemm huma importanti s-siġar għall-ħajja. Iżda s-siġra tal-Milied ħadet simboliżmu speċjali fil-pajjiżi tal- punent li ftit ftit dieħla f 'pajjiżi oħra wkoll. Din daħlet fit-tradizzjoni tal-Milied fl-aħħar żewġ sekli u bħal Santa Klaws, riċentament saret parti integrali mill-kummerċjaliżmu tal-Milied. Huwa mifhum li l-oriġini tagħha kien fil-Ġermanja, fil-partijiet protestanti tal-pajjiż, qabel ma ġiet aċċetata mill-partijiet Kattoliċi wkoll. Riċentament bdejna naraw bosta bliet u rħula madwar id-dinja jtellgħu siġar tal–Milied kbar f 'ċentri pubbliċi. Is-siġra li l-iMdina Glass tellgħat fil-Belt Valletta magħmula minn blalen tal–ħġieġ tagħti lil dan is-simbolu tal-Milied laqta Maltija li ġiet apprezzata minn ħafna nies li rawha.