Illum previous editions

ILLUM 20 December 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/618153

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 39

Il-Ħadd 20 ta' Diċembru 2015 | illum 21 Editorjal ILLUM, MedIaToday LTd, VjaL Ir-rIĦan, San Ġwann SĠn 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Kompetizzjoni fit-trasport pubbliku, sa fl-aħħar S uq kompettitiv fejn diversi kumpaniji jew entitajiet jaħdmu biex joffru l-aħjar servizz għall-klijent huwa l-aktar wieħed li jista' joffri serħan il-moħħ lill-konsumatur. Il- kompetizzjoni kienet minn dejjem u tibqa' dejjem l-iktar għodda b'saħħitha li permezz tagħha l-poplu jkollu servizz aħjar, servizz orħos u li jkollu d-drittijiet tiegħu mħarsa. Hekk ġara f 'kull qasam tal-ħajja matul is-snin u ma nistennewx li jkun differenti fis-snin li ġejjin. Min-naħa l-oħra, l-monopolji fl-oqsma tas- servizzi dejjem fgaw u qatlu l-inizjattiva u s-serjetà. Għalhekk, din il-gazzetta ma tistax ma tilqax b'mod pożittiv ħafna l-aħbar li se jkun qed jinbeda proġett ta' trasport fuq il-baħar fil-Port il-Kbir, li mistenni jkun lest sas-sajf tal-2017. Nilqgħuh b'mod pożittiv għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett għax qed juri r-rieda tal-Gvern preżenti li jkompli fejn ħalla Gvern Laburista ieħor lura fl-1997, li kien żvela proġett simili ħafna bl-isem 'Connections'. Sfortunatament, wara li dak il-Gvern kien waqa' u l-Partit Laburista tilef l-elezzjoni, gvernijiet sussegwenti Nazzjonalisti ftit li xejn kienu ħerqana li jarawh iseħħ. Ħasra! Iktar minn hekk iżda dan il-proġett, jew l-idea tiegħu, qed iħares lejn il-problema tat-traffiku b'mod iktar kreattiv mill- popoliżmu ta' "nraħħsu l-petrol biex innaqqsu t-traffiku." Finalment, wara ħafna bidliet nejjin fit- trasport pubbliku, jidher li dan il-pajjiż lest li jieħu pass lejn soluzzjonijiet li ilhom jiċċassaw lejna snin twal. Vera, dak propost se jkun qed jikkonċerna ż-żona tal-Port il-Kbir biss, imma huwa vera wkoll li din iż-żona hija waħda sinonima mat-traffiku. Inħarsu lejn il-proġett b'mod pożittiv għaliex sa fl-aħħar jidher li wasalna f 'punt fejn minflok ħafna daqq ta' trombi fuq proġetti li jiswew miljuni kbar u li probabbilment se jibqgħu fuq il-karta jew madwar il- mejda ta' diskussjoni, issa qed inħarsu lejn l-użu tal- akbar riżorsa li ddawwarna, jiġifieri l-baħar. L-aħħar raġuni li għaliha din il-gazzetta qed tħares lejn dak li ħabbar il- Gvern b'mod pożittiv hija l-kompetizzjoni. Huwa ferm pożittiv li l-kumpanija li tmexxi t-trasport pubbliku jibda jkollha sfida akbar milli għandha s'issa. Eżerċizzju sempliċi li għamlet din il-gazzetta u li qed jidher fil-faċċata tal-ħarġa tal-lum juri kif vjaġġ mill-Isla sa Tas-Sliema llum jeħodlok 45 minuta, u dan mingħajr ma ngħoddu il-ħin ta' stennija u t-traffiku. Kieku wieħed jgħodd dawn it- tnejn, dawk il-45 minuta jitilgħu faċilment għal siegħa jew siegħa u kwart. Jekk il-proġett ikun attwat, u nisperaw li jkun attwat mingħajr dewmien żejjed u naturalment wara li jsiru l-istudji kollha neċessarji, il-proponent magħżul mill-Gvern indika li l-istess vjaġġ jista jsir f 'mhux iktar minn 25 minuta. Din is-sitwazzjoni tista' tkun ta' vantaġġ kbir għall- konsumatur għax tagħti dik il-grinta neċessarja lill-operaturi tat-Trasport Pubbliku. La jkun hemm l-għażla, u jekk dik l-għażla tkun aħjar, il-pasiġġier se juża lilha. Għalhekk il- kompetizzjoni hija sabiħa. Għax din it-tip ta' pressjoni fuq l-unika operatur tat- trasport pubbliku fil-pajjiż, tkun tfisser li dan ma jkollu ebda għażla ħlief li jsewwi l-imkisser u jtejjeb fejn hemm bżonn. Din il-gazzetta kellha kritika ħarxa lejn in- nuqqasijiet fit-trasport pubbliku u se nibqgħu nkunu ħorox fil-kritika tagħna, fejn inħossu li jkun hemm il-bżonn. Iżda wieħed irid japrezza wkoll li ħidma qiegħda ssir, tant li minn għada stess se jidħlu numru ta' rotot ġodda li kienu diskussi u maqbulin wara konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali. Huwa fl-interess tagħna li naraw li fil-qasam tat- trasport, dak li ħabbar il-Gvern din il-ġimgħa jimmarka l-bidu ta' inċentivi oħrajn mas-settur privat biex l-akbar weġgħa ta' eluf ta' nies li jridu sempliċiment isuqu jew jaslu x-xogħol fil-ħin, tibda tkun indirizzata. Jidher li sa fl-aħħar qbadna t-triq it- tajba. Għadna lura, imma bdejna mexjin. Ikun ta' preġju kbir għall- Gvern preżenti u l-Ministri konċernati, jiġifieri Joe Mizzi u Konrad Mizzi, jekk dan it-titjib iseħħ, għax lil hinn mill-ideoloġiji politiċi u lil hinn mill-kumplotti u l-konġuri, għall-poplu dak li jgħodd l-aktar huwa dak li jara u jesperjenza ta' kuljum.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 20 December 2015