Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/618153
Il-Ħadd 20 ta' Diċembru 2015 | illum 35 Sports Is-Sena 2015 - is-sena ta' Christian Schembri Nhar it-Tnejn 7 ta' Diċembru, lejliet il- festa tal-Kunċizzjoni, sar avvenimnet tal- boxing li kien iġib l-isem ta' 'Grudgematch', li ġie organizzat minn Prizeboxing Promotions sponsorjat minn 'Eat Me I'm Famous', fejn il-boxer ewlieni Malti Christian Schembri, temm is-sena b'rebħa u wirja tajba ħafna ta' boxing kontra avversarju Ingliż, Jamie Lambert. F'din is-sena nistgħu ngħidu li Schembri għamel passi ta' ġgant 'il quddiem fil- karriera tiegħu tal-boxing, bi tmien taqbidiet ta' livell għoli li huwa rebaħ sitta minnhom, u li fiha akkwista wkoll il-liċenzja ta' 'Elite Professional Boxer'. Huwa beda s-sena tiegħu bħala boxer semi- professjonali, u kellu bidu tas-sena attiv ħafna, fejn iġġieled erba' darbiet fl- ewwel erba' xhur tas-sena, u rebaħ tlieta minn dawn it-taqbidiet. L-ewwel żewġ taqbidiet kienu lokali kontra boxers Inglizi, dik tat-30 ta' Jannar kontra Josh Groombridge u l-oħra fl-14 ta' Marzu kontra Lenny Fuller, żewġ taqbidiet li huwa rebaħ fil-wisa'. Iż-żewġ taqbidiet ta' wara kienu ta' livell għoli u ta' importanza kbira għal Schembri, meta huwa tela' darbtejn f 'isem il- Malta Boxing Association jikkompeti l-Ingilterra. L-ewwel waħda seħħet fil- 21 ta' Marzu, ġimgħa wara taqbida oħra li huwa kellu f 'pajjiżna, kontra Ricky Rocker. Din kienet ġlieda li kienet ferm bilanċjata u fejn iż-żewġ boxers kellhom prestazzjoni tajba ħafna ta' boxing tekniku. Christian u t-tim tiegħu ħasbu li għamlu biżżejjed biex iġibu lura r-rebħa lejn Malta, iżda l-ġurija ddeċidiet li kellu jirbaħ Ricky Rocker, b'dik it-taqbida timmarka l-ewwel telfa missielta tiegħu għall-2015. Iżda xahar wara, eżatt fil-21 ta' April, huwa rrisponda bl-aqwa mod possibli meta tela' Birmingham ma' kontinġent ta' boxers Maltin, u fit-taqbida tiegħu ma' Adam Shepherd, huwa ddomina r-rounds kollha u impressjona lill-partitarji li kien hemm ġewwa s-sala, u aktar importanti lill- ġurija, u niżżel lura rebħa importanti lejn pajjiżna. B'hekk, Schembri, għalaq l-ewwel erba' xhur tas-sena bi tliet rebħiet minn erbgħa. Il-perjodu ta' bejn Mejju u Settembru kien kemmxejn inqas mimli għal Christian Schembri, fejn huwa kkompeta tliet darbiet, iżda l-importanza tal-aħħar taqbida kienet waħda kbira. L-ewwel taqbida f 'dan il-perjodu kienet fit-3 ta' Lulju, u huwa kompla fejn ħalla fit-taqbida ta' April meta ddomina totalment lill-avversarju Brittaniku tiegħu Ryan Dibley u rebaħlu erba' rawnds minn erbgħa, u kellu jobżoq il-'mouth guard' darbtejn biex jistrieħ. Ftit tal-jiem wara din ir-rebħa, gietu okkażjoni biex jiġġieled għat- titlu nazzjonali ta' Prizeboxing Promotions, wieħed mil- iktar ċintorini prestiġjuzi li għandna f 'Malta, kontra Nur Naffuri. Din kienet taqbida oħra ta' suċċess għalih personali, fejn wara l-ewwel żewġ rawnds li kienu viċin, huwa ddomina l-aħħar erba' rawnds biex akkwista dan iċ-ċintorin ferm prestiġjuż. Sitt ġimgħat wara, Christian ħa l-ikbar pass fil-karriera tal-boxing tiegħu s'issa. Dan hekk kif kien qiegħed jiġi organizzat l-event 'Undisputed' mill- promotur Malti tal-boxing u manager tiegħu Demis Tonna, li Schembri kellu jieħu sehem fih bħala 'supporting bout' għal avveniment prinċipali li kellu jsir bejn żewġ boxers professjonali li joqogħdu hawn Malta, Tyrone Borg u Scott Dixon. Sadanittant, peress li Christian kien qiegħed iġib ir-rebħ u jkollu prestazzjonijiet tajbin fuq ir-ring tal-boxing, il-kowċ tiegħu personali Steve Martin flimkien mal- manager Demis Tonna kienu qegħdin jaħsbu biex japplikaw għal-liċenzja professjonali għall-bidu tas-sena d-dieħla waqt li Schembri kien qiegħed għaddej b'taħriġ intensiv biex jipprepara għal Undisputed. Iżda ġara li waqt it-taħrig li kienu jagħmlu dejjem flimkien hu u Tyrone Borg ġimagħtejn qabel, Tyrone sofra injury li sfortunatament ġegħlitu jikkanċella t-taqbida tiegħu ma' Scott Dixon. Meta ġara hekk, Steve Martin u Demis Tonna ddeċidew li biex ma jiġix ikkanċellat ix-show, Christian jidħol fit-taqbida minflok Tyrone, u b'hekk kiseb il-liċenzja professjonali li kien ilu tant jistenna. Ta' min jgħid li meta din l-aħbar ġiet mgħarrfa lill-pubbliku, intlaqgħet b'sorpriża kbira għaliex avolja Schembri kien magħruf bħala boxer promettenti, Scott Dixon kien veteran ta' 'l fuq minn ħamsin taqbida professjonali, u ħadd ma beda jagħti ċans lil Christian li jagħmel aktar minn tliet rawnds miegħu. Madankollu, Christian Schembri kien kunfidenti mmens li kien kapaċi jagħti taqbida liema bħala lil Scott Dixon, u dan urieh fid- deher fil-lejl tal-ġlieda lil 'il fuq minn elf partitarju li attendew. Il-prestazzjoni li ta kontra Scott Dixon kienet waħda li xxukkjat lill-pubbliku, fejn ma stennewx li boxer żagħżugħ bħalu ta' 23 sena iġiegħel lil Scott Dixon jagħmel għaxar rounds ta' tliet minuti sħaħ jiġġieled mingħajr waqfien, jimbuttah lura u jikkontrolla r-ring kontrih. B'diżappunt kbir għal Schembri u għat-tim tiegħu, il-ġurija ma ħasbitx li dan li għamel kien tabilħaqq biżżejjed u ddeċidew li jagħtu r-rebħa lil Scott Dixon, riżultat li min kien hemm fis-sala ħaseb li kien wieħed kontroversjali. Min-naħa ta' Christian Schembri u tat-tim tiegħu, appellaw l-eżitu ta' dan ir-riżultat mal-ogħla bord tal-boxing professjonali, il-World Boxing Council u għadhom qed jistennew ir-riżultat uffiċjali joħroġ. Minkejja dan ir-riżultat, Christian jinsab kburi bil- wirja eċċellenti li kellu f 'din il-ġlieda li permezz tagħha kkatapulta ruħu 'l fuq fl-attenzjoni tal-partitarji tal-boxing Malti. Wara dik it-taqbida, kien imiss lil Christian li jikkompeti fl-aħħar avveniment tas-sena, li kellu l-isem ta' 'Grudge Match' fis-7 ta' Diċembru. Huwa kien ferm determinat li jkompli fejn ħalla fit-taqbida ta' qabel, billi jtejjeb fuq il-prestazzjoni tiegħu kontra Scott Dixon u jikseb l-ewwel rebħa professjonali tiegħu fil-boxing. Bl-għajnuna tal-kowċis tiegħu Steve Martin u Clayton Gatt u sħabu kollha tal-gym 'Fight Factory: Home of Champions', Christian daħal għal din it-taqbida f 'forma fiżika eċċellenti u din ġiet riflessa fil-prestazzjoni mill-aqwa tiegħu kontra Jamie Lambert. It-taqbida spiċċat wara biss żewġ rawnds minħabba li fit-tieni rawnd waqt li Schembri kien qed jattakka u tefa' pressjoni fuq Lambert, huma ħabtu ras ma' ras u Lambert qasam moħħu. Christian baqa' jattakka għax induna li Lambert kien qiegħed ibatti diġà, u lejn it-tmiem tat-tieni rawnd irnexxielu jaqbad lill-boxer Ingliż mal-ħbula u jagħmel attakk varjat fuqu. B'dan l-attakk, Christian irnexxielu jtellef lil Lambert, u l-persuni responsabbli mir-ring żammew lill-boxer Ingliż milli jaqa' mill-ħbula. Ir-referi nduna b'dan kollu u beda jgħoddlu s-sekondi. Kif huwa ra li Lambert kien qiegħed ibati biex ikompli jiġġieled, kemm minħabba l-attakki ta' Christian kif ukoll minħabba l-qasma li Lambert kellu f 'moħħu, ir-referi ddeċieda li jwaqqaf il-ġlieda, fejn iddikjara li Schembri kien ħareġ rebbieħ. Din is-sena kienet waħda tajba ħafna għal dan il- boxer ewlieni Malti, u issa l-mira tat-tim tiegħu hija dik li jkomplu jibnu fuq din is-sena, biex ikomplu jġibu rebħa wara oħra, sabiex b'hekk jitilgħu fil-quċċata tal-boxing professjonali. Biex Christian jirnexxielu jagħmel dan, huwa għandu l-aqwa għajnuna, hekk kif il-kowċ tiegħu Super Steve Martin, diġà rnexxielu jagħmel dan meta rebaħ il-kampjonat professjonali Mondjali fl-2014 tal- federazzjoni WBF (World Boxing Federation), u l-Manager tiegħu Demis Tonna li jiggwida wkoll il-karriera tiegħu fil-boxing flimkien ma' Steve Martin. Christian Schembri, xtaq jirringrazzja kemm lil sħabu kollha tal-'Fight Factory: Home of Champions', li sostna li huma tim magħqud u li dejjem lest jagħti kull għajnuna lil dawk il-boxers li jkollhom bżonn, kif ukoll lill-eks kowċ tal-kickboxing tiegħu Master Silvio Camilleri li għadu jiġi jagħti għajnuna siewja f 'kull taqbida. Fl- aħħar iżda mhux l-inqas, huwa xtaq jirringrazzja wkoll lill-familja tiegħu u lill-partitarji numerużi li jsegwuh, f 'kull taqbida li jkun involut fiha. Intant, Christian xtaq isemmi wkoll lill-isponsors tiegħu li bl-għajnuna siewja tagħhom, qed jirnexxielu javvanza fit-taħriġ tiegħu, u b'hekk itejjeb il-livell tal-karriera tiegħu fil- boxing. Dawn huma, 'Eat Me I'm Famous', 'Don Michele – Italian Fashion', 'Browns Malta', 'Harmont & Blaine' u 'Michael's Butcher Hamrun'. Schembri xtaq ukoll jawgura l-festi t-tajba u l-isbaħ xewqat kemm lill- qarrejja ta' din il-gazzetta u lil kulħadd! Christian Schembri fl-azzjoni kontra l-boxer Ingliż, Jamie Lambert