Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/618153
Il-Ħadd 20 ta' Diċembru 2015| illum 5 Aħbarijiet 'Malli t-tobba qaluli x'għandi, il-flus u s-suċċess saru xi ħaġa sekondarja' Tkompli minn paġna 1 L-ewweL ma qalilna, kien li dawn l-aħħar ħames xhur dehru qishom ħames snin."Tant ġraw affarijiet u tant iltqajt ma' nies, li ħassejthom li kienu ferm itwal. Imma bla dubju kienu l-isbaħ xhur ta' ħajti." Spjega, li l-Fondazzjoni li waqqaf, bl-isem ta' ALS Malta, iktar kmieni din is-sena qed tgħin biex titfa' aktar dawl fuq dak Ii jgħaddu minnhom pazjenti tal-ALS. "Ħafna minn dawk li kellhom il-marda, ma kellhomx punt ta' referenza. B'hekk, dawk kollha li jkunu jbatu mill-ALS f 'Malta, issa jafu li jistgħu jmorru għand xi ħadd u jitkellmu. Kont naf li din il-fondazzjoni se jkun fiha x-xogħol, imma ma kontx naf li se timpenjani daqshekk." Il-fondazzjoni ta' Bjorn diġa ġabret l-ewwel €50,000 Bjorn irrakkuntalna li kien jagħmel l-isport fuq bażi regolari. Kien jilgħab il-futbol tliet darbiet fil-ġimgħa. Eventwalment, beda jinduna li l-movimenti ta' jdejh u saqajh, bdew sejrin lura. "Bdejt nara d-differenza u wara kull ftit żmien, ħassejtni li qed immur għall-agħar. " Għall-bidu, Bjorn ma attribwiex is-sintomi għall- ALS. Fi Frar ta' din is-sena, beda jara l-ewwel tobba u għamlu serje ta' testijiet." L-ewwel sintomi, li kienu żgħar ħafna, bdew f 'Awwissu tas-sena li għaddiet. Sa Frar, is-sintomi ma kinux għadhom daqshekk evidenti," spjega Bjorn. "Kollox ġara fi żmien relattivament qasir, u rċivejt id-dijanjosi uffiċjali, f 'Awwissu li għadda." Prattikament, minn dakinhar stess li kkonferma li kien qed ibati minn din il-kundizzjoni, Bjorn beda jaħdem bla waqfien fuq il-fondazzjoni, li s'issa diġa ġabret iktar minn €50,000. Dawn il-flus qed imorru kollha biex ikun hemm għajnuna u ssir riċerka dwar l-ALS. "Qabel ma qalli x'għandi t-tabib, kien diġà kelli idea ċara. Fittixt kemm stajt biex nikkumpara s-sintomi imma ndur fejn indur, dejjem kont nispiċċa għall-istess marda. Dak kien l-iktar xahar diffiċli." Saħaq li malli waslet il- konferma li hu kien qed ibati minn din il-kundizzjoni, kien mentalment preparat biex jiġġildilha. "Id-dijanjożi kienet biss formalità," qal Bjorn. Minn dakinhar, beda jipprepara lilu nnifsu biex jgħaddi dal-kalvarju, pass pass. "Litteralment, għal kull fażi, nipprepara ruħi sew minn qabel u naffaċja l-pass li jmiss." Bjorn kien jaħdem għall-rasu fis-settur tal-gaming. "Qabel kelli l-marda, kelli impenji u deadlines x'nilħaq. Imma malli t-tobba spjegawi eżatt x'għandi, il-flus u s-suċċess saru xi ħaġa sekondarja. Ovvjament malli bdejt l-assoċjazzjoni, malajr sibt x'nagħmel. Il-fondazzjoni kienet xi ħaġa li mlietli l-ħin, u finalment xi ħaġa li ttik sodisfazzjon kbir. M'hawn xejn isbaħ milli tgħin lil ħaddieħor." Bi tbissima fuq wiċċu qalilna li, "minkejja dak kollu li nqala', din kienet l-isbaħ sena ta' ħajti. Ċertu valuri tibda ttihom iktar importanza. Daż-żmien tibda tirrealizza ħafna affarijiet, apparti li ltqajt ma' ħafna nies... kienet sena sabiħa." Minkejja l-ispirtu ta' kombattiment, Bjorn xorta jammetti li waħda mill-iktar sfidi diffiċli kienet meta beda jitlef l-abbilità li jimxi. Qal li filli sa Lulju li għadda, ħajtu kienet normali u llum, ħames xhur wara, ma jistax jimxi għal iktar minn ftit metri għax jaqa'. Imma qabel biss jagħti mument ċans li tidħol fil-kamra arja ta' qtigħ il-qalb, jisħaq mill-ewwel, "imbagħad m'hemmx x'tagħmel. Malli naqa' rrid nerġa' inqum." "Idejja wkoll. Qabel, kont kapaċi nuża l-kompjuter, illum biex sempliċiment nittajpja, saret xi ħaġa impossibli." Fil- fatt, huwa jispjega kif bħalissa għaddej b'taħriġ biex jitgħallem juża kompjuter li jista' jiġi kkontrollat bl-għajnejn, għax jaf li eventwalment, ħa jerġa' jitlef iktar movimenti. "Hawn soluzzjoni għal kollox. L-importanti li tfittex, ma taqtax qalbek u tadatta." Il-biża' ta' Bjorn Mistoqsi dwar mil-liema fażi tal-marda l-aktar li qed jibża', Bjorn jisħaq li qed jibża' mill- mument meta se jkollu jibqa' fis-sodda għax ma jkunx jista' jiċċaqlaq. Madankollu, b'mod inspjegabbli, Bjorn jinsisti bl- ispirtu pożittiv tiegħu, "illum hawn wheelchairs apposta biex almenu nkun nista' noħroġ u ngawdi l-arja. Forsi diffiċli ħafna se jkun il-punt meta jibdew iċedu l-muskoli li tieħu n-nifs bihom. Nimmaġina li dik se tkun sitwazzjoni antipatka." Dwar il-ħsieb tal-mewt, Bjorn jgħid li kulħadd għad jasal f 'dak il-mument. "Forsi tiegħi se jasal ftit qabel tal- oħrajn. Imma l-bqija trid tibqa' għaddej tgħix ġurnata b'ġurnata." Staqsejtu jekk hemmx xi ħaġa li verament jixtieq jagħmel, jew ħolma li jixtieq iwettaq. "Onestament, l-iktar ħaġa li nixtieq huwa sempliċiment li nagħmel affarijiet ta' normalità, li tagħmel kull persuna normali. Xejn iktar." Din l-aħħar sena, f 'Malta ġew ikkonfermati li jbatu minn din il-marda madwar 50 persuna mill-ALS. U possibilment iktar għax, kif spjega Bjorn, huwa diffiċli ħafna biex tidentifika din il- kundizzjoni. "Kunu pożittivi anke jekk diffiċli" "Niftakarni nara l-Stephen Hawking fuq it-television u bdejt ngħid, x'għandu? U malli fittixt fuqu u rajt li għandu l-ALS, kont għedt... din il-marda m'hawnx agħar minnha. Kont qrajt li rari ħafna u kont konvint li mhux ħa tolqot lili jew lil xi ħadd qrib tiegħi." Bjorn itemm jappella biex in-nies ikunu pożittivi. "Anke jekk diffiċli, almenu tista' tgħix l-aħħar jiem li fadallek bl-aħjar mod possibli. Li taqta' qalbek ma jiswa għal xejn." Intant, Bjorn Formosa huwa wieħed min-nominati li l-gazzetta ILLUM għażlet għall-'Personaġġ tas-sena'. Qabel tlaqna qalilna li, minn mindu telgħet l-votazzjoni fuq is-sit illum.com.mt, mijiet ta' persuni kkuntatjawh biex jistaqsu kif jistgħu jivvutaw. "Ħa ngħidlek, kieku kont naf li se jivvutawli daqshekk, kont noħroġ għall-politika," qalilna b'daħka fuq wiċċu. Fl-aħħar Jum ir-Repubblika Bjorn irċieva wkoll Ġieħ ir-Repubblika bħala rikonoxximent mill-Istat għall- kontribut qawwi tiegħu fost il-pazjenti tal-ALS. "Hawn soluzzjoni għal kollox. L-importanti li tfittex, ma taqtax qalbek, u tadatta" TAĦRIĠ F'GĦAWDEX GĦALL- KOMUNITA' KUMMERĊJALI FUQ KIF GĦANDHOM ISIRU OFFERTI ELETTRONIĊI Il-Ministeru għal Għawdex b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal- Kuntratti ser jorganizza żewġ sessjonijiet ta' taħriġ f'Għawdex għal operaturi ekonomiċi fuq kif għandhom isiru offerti elettroniċi. Dan it-taħriġ ser jagħti opportunita' li min ser jattendi sabiex isir familjari mal-metodu ta' kif isiru u jiġu sottomessi offerti elettroniċi fuq is-sistema elettronika tal-Akkwisti Pubbliċi. Dan it-taħriġ ser ikun mingħajr ħlas u ser isir il-Ġimgħa 8 ta' Jannar 2016 u il-Ġimgħa 15 ta' Jannar 2016 mid-9:00 ta filgħodu sas-1:00 ta' wara nofsinhar. Dawk interessati għandhom japplikaw permezz tal-posta elettronika fuq procurement.mgoz@gov.mt jew bit-telefon fuq in-numru 22100266 bejn it-8:00 ta' filgħodu u s-2:00 ta' wara nofsinhar sa mhux aktar tard minn nhar it-Tnejn 28 ta' Diċembru 2015. Ministeru għal Għawdex "Onestament, l-iktar li ħaġa li nixtieq huwa sempliċiment li nagħmel affarijiet ta' normalità, li tagħmel kull persuna normali. Xejn iktar" "Daż-żmien tibda tirrealizza ħafna affarijiet..kienet sena sabiħa" - Bjorn Formosa