Illum previous editions

ILLUM 10 April 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/664432

Contents of this Issue

Navigation

Page 2 of 39

Il-Ħadd 10 t'April 2016 | illum Aħbarijiet 3 'Il-mira tal-PN la huwa Konrad Mizzi u lanqas Keith Schembri' minn Albert Gauci Cunningham F'KUMMENTI lil din il- gazzetta, Charles Miceli, opinjonista ta' fehma Laburista u xellugi jgħid mal-ILLUM li l-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab f 'pożizzjoni xi ftit diffiċli fil-każ ta' Konrad Mizzi, hekk kif, ikun x'ikun l-eżitu tal-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa, se jkollu l-iswaba' ppuntati lejh. Miceli jgħid li l-Prim Ministru jeħtieġ jiżen sew x'jaqbel għall- partit, x'jaqbel għall-Gvern u x'jaqbel għal Malta." Żied jgħid li jinsab ċert li Joseph Muscat jaf li "fl-aħħar mill-aħħar, il-mira tal-PN la hu Konrad Mizzi u lanqas Keith Schembri." Intant meta mistoqsi dwar l-aħħar żviluppi fil-każ li jdur ma' Konrad Mizzi u l-kumpanija fil-Panama, l-opinjonista Charles Flores sostna li jinsab ċert, "li ħadd mhu qed jitlef irqad dwar ħwejjeġ li s'issa ngħataw biss interpretazzjoni. Meta jkollna l-fatti, kemm jekk 'l hawn jew 'l hemm, allura imbagħad iridu jittieħdu d-deċiżjonijiet." Flores jgħid li jekk l-għajta biex Mizzi ma jibqax Ministru ġejja mill-PN biss, allura wieħed jifhimha, fil-fatt ma jarax aspettativa popolari għat-tneħħija tiegħu, lil hinn mill-Oppożizzjoni. Miceli jfakkar li jekk irridu nkunu ġusti, "jeħtieġ insemmu li Joseph Muscat kien dejjem konsistenti, jiġifieri li Konrad Mizzi jirreżenja jekk jirriżulta li saru xi irregolaritajiet mill- investigazzjonijiet li qed isiru." Minkejja dan, huwa jgħid ukoll li l-każ jmur lil hinn minn dak li huwa strettament legali jew irregolari, u l-Gvern jeħtieġ jikkunsidra wkoll "il- ħsara li qed tinżera' mal-elettorat." Miceli ma tantx jomgħodha wisq, u jgħid li hu qed jisma' Laburisti konvinti li qed jesprimu l-inkwiet u d-diżaprovazzjoni lejn kif qed jiġru l-affarijiet. "Imma l-Prim Ministru qiegħed f 'sitwazzjoni delikata. Kważi 'lose-lose situation'. Jekk iżomm lil Konrad jaqlagħha, u jekk ikeċċih, jaqlagħha wkoll." Għall-mistoqsija tal- ILLUM dwar għalfejn jaħseb li Muscat qed jinsisti li jżomm lil Mizzi, Flores jgħid li, "nassumi li jrid iżommu għax jarah validu." Hu jistqasi jekk bħala gazzetta, l-ILLUM hux interessata li tkun taf dwar il-ħidma ta' Konrad Mizzi bħala Ministru, "jew inkella iktar jinteressawk affarijiet li għadhom fl-arja, jistennew li jkunu mitmuma l-investigazzjonijiet?" Huwa sostna li minkejja li jħoss li t-tonalità tal-mistoqsijiet li għamlet din il-gazzetta huma negattivi, "mhux se noqgħod ngħajjat, ngħajrek, nobżoqlok u nimbuttak, kif ġara quddiem il-bini tal- qorti fil-jiem li għaddew." Il-PM qiegħed f 'sitwazzjoni skomda Allura jekk l-investigazzjonijiet juru li ma kienx hemm flus fil-kont li fetaħ, x'għandu jagħmel Konrad Mizzi? Għandu jirreżenja xorta? Miceli jgħid li l-kwistjoni tal-invetigazzjoni hija xi ftit problematika. "Ikun xi jkun ir-riżultat, nemmen li mhu se jissolva xejn. Għax jekk tinstab xi irregolarità xorta, b'xi mod, is-swaba' se jippuntaw lejn il-Prim Ministru u jakkużawh li qed jagħmel għażliet ħżiena u li dam jaħsibha." Fil-każ li ma jinstabx li saret xi irregolarità, ikompli Miceli, "xorta l-ilsna se jibqgħu jtaqtqu u jgħidu li l-investigazzjonijiet kienu vvizzjati." Miceli, jgħid ukoll mal-ILLUM li l-Prim Ministru għandu jiżen sew x'jaqbel għall-partit, x'jaqbel għall-Gvern u x'jaqbel għal Malta." Is-suċċessi tal- Gvern qed jinkwitaw lil uħud L-ILLUM staqsiet lil Miceli u lil Flores kemm jaħsbu li se jkollu effett dan il-każ fuq il-Partit Laburista, ladarba dan imur għall-elezzjoni ġenerali. Flores jgħid li d-dell mhux faċli tneħħieh, "imma eventwalment huwa l-frott tal-ħidma li tkun twettqet tul ħames snin ta' leġiżlatura li jħoll u jorbot." Huwa jgħid li dawn is-suċċessi qed jinkwetaw ħafna lil dawk, "li jiddejjqu jaraw l-impjiegi jiżdiedu, l-qgħad jonqos, il-benefiċċji jiżdiedu, l-istipendji jiżdiedu, l-investiment jikber, kummerċ jiżdied, turiżmu rekord u 'mediċini out of stock' isiru xi ħaġa tal-passat." Flores jgħid li l-indafa u l-onestà politika kulħadd iridhom, "imma hekk ukoll il-flus fil-but u l-opportunitajiet ta' xogħol, fosthom għaż-żgħażagħ." Ħu ħsieb lil-Laburisti Miceli rrepeta dak li kien qal ma' din il-gazzetta ftit ġimgħat ilu. Filwaqt li fakkar kif l-elezzjoni għad fadlilha sentejn u għadha l-bogħod "il-Partit Laburista, filwaqt li għandu jżomm l-immaġini pro-business tiegħu irid jibda jaħseb aktar bis- serjetà fl-għeruq tiegħu, il-klassi tal-ħaddiema, dawk li jaqilgħuha u jiekluha." "Jekk jagħraf iqassam il-ġid li qed joħloq bilgħaqal u jkisser il-faqar u l-esklużjoni soċjali, ma jkollux minn xiex jistħi l-PL meta jersaq quddiem l-elettorat." Charles Flores Charles Miceli 230,000 persuna għandha tallinja card IKTAR minn 230,000 persuna applikat u għandha l-card tallinja, li tippermetti lill-passiġġiera li jivjaġġaw bit-trasport pubbliku, li jagħmlu dan bi prezzijiet iktar vantaġġjużi. Jirriżulta mill-operatur tat- trasport pubbliku li madwar 185,000 passiġġier li għandhom it-tallinja card, għamlu użu minnha għal iktar minn darba. Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għat-trasport Joe Mizzi, għal domanda tad-deputat Laburista Anthonu Agius Decelis.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 10 April 2016