Illum previous editions

ILLUM_01 Novembru 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/594534

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 39

Il-Ħadd 01 ta' Novembru 2015 | illum 21 Ilbieraħ tal-PN. Illum u għada ta' Simon Kif naħsibha Il-poplu kien deċiż, ferm qabel ma Busuttil sar Vici Kap. Wara ħamsa u għoxrin sena tan-Nazzjonalisti fil- gvern, il-poplu ried bidla. Meta Lawrence Gonzi saffar is-suffara, il-PN kien bdielu l-aħħar stazzjon. Il-mistoqsija ma kinitx hux se jirbaħ il-Labour, imma b'kemm se jirbaħ. Joseph Muscat kien jaf li x-xileb ġewwa. Imma ried aktar minn sempliċiment rebħa. Muscat ried ikaxkar. Muscat ried jumilja lill-PN. Meta Simon Busuttil sar vici kap, il-kilba ta' Muscat li jagħmel dan kibret. Kien jaf li wara l-elezzjoni, Busuttil kien se jsir Kap tal-Partit. Kienet ilha tinħass. Muscat ried jagħmel statement politiku doppju: Jirbaħ lil Gonzi u lil Busuttil f 'daqqa, u jdgħajjef lil Busuttil qabel jingħata x-xettru ta' Kap tal-PN. Li kieku Busuttil ried ipoġġi l-interess personali tiegħu l-ewwel, ma kienx jaċċetta li jidħol forċina fl-aħħar stadju tal-PN fit-telgħa tal-kalvarju. Imma kien raġel. Poġġa l-interess tal-Partit qabel l-interess personali tiegħu. Għamel ħiltu biex kemm jista' jkun, it-telfa tal-PN ma tkunx kbira wisq. Kien tard wisq. Il-verdett kien ċar sa xhur – jekk mhux snin, qabel il-poplu xeħet il-vot. Busuttil ma kien jaħti xejn għat-telfa tal-2013. Busuttil ma kien jaħti xejn għat-telfa, imma bata minħabba fiha Meta Busuttil rebaħ it- taqtiegħa għal Kap tal-PN, l-avversarji politiċi bdew kampanja effettiva biex jiskreditawh. Tambru fuq li tambru, "Dan kien wieħed mill-klikka ta' GonziPN." Busuttil sab partit mifluġ wara telfa kbira, u għajjien wara 25 sena fil-gvern. Kien jeħtieġlu jibda kollox mill-ġdid. Biex ħajtu ssir aktar diffiċli, sab ma' wiċċu elezzjoni għall-Parlament Ewropew meta kien għadu qed jixħet il-pedamenti għal PN ġdid. Kif mistenni, l-PN laqqat damdima oħra. Bdew ipeċilqu l-ilsna ħżiena. Bdew id-diċeriji ta' konġuri mrewħa minn kwartieri li lil Busuttil qatt ma ħamluh, x'aktarx għax dejjem beżgħu minnu. Busuttil seta' joqgħod jibki xortih. Ma'għamilx hekk, anzi xammarlu u ħadem aktar. Ġiet elezzjoni oħra, tal- Kunsilli Lokali. Din kienet kruċjali għalih, u ħareġ bl-unuri għax anke jekk il-Labour reġa' rebaħ, imma Busuttil kien naqqas id- distakk b'mod konvinċenti. Kif jgħidu bl-Ingliż, il-PN kien issa 'back in business'. Busuttil ma kellux għażla: Ried jiżbor, iqaċċat u jaqla' mill-qiegħ Hawn min jgħid li wara l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, Busuttil inbidel f 'daqqa. Sar assertiv u jieqaf lill-Gvern. Ma naħsibx. Iktar naħseb li ħareġ il- vera natural tiegħu meta għamel hekk. Imma qabel, kien jeħtieġlu jiżbor, iqaċċat u anke jaqla' mill- qiegħ, fil-kwiet u mingħajr daqq ta' trombi. Poġġa l-ambjent bħala prijorità, imma l-passat tal-PN f 'dan ir-rigward, anke jekk qas għandu x'jaqsam xejn mal- mod moqżież li qed imexxi bih il-Labour illum f 'dan is-settur, dejjem jiġri warajh għax iħobbu jfakkruh id- dnubiet ambjentali tal-PN. Busuttil ma kien jaħti xejn għalihom, imma bħala Kap ma jistax jagħmel wisq aktar ħlief jgħid li hu se jmexxi b'mod differenti. Jekk in-nies jemmnuhx, għad irridu naraw. Busuttil jingħad li hu 'liberali', anke jekk din kelma użata u abbużata l-ħin kollu. Jien jidhirli li hekk hu. Fil-PN hemm taħlita ta' nies 'liberali' u dawk hekk imsejħa 'konservattivi'. Għandu jkun hemm post għal kulħadd. Il-'konservattivi' sabbtu saqajhom fuq l-unjoni ċivili. Anke jekk ħafna minnhom huma nies validi, jidhirli li għal xi żmien taffew il-pass mgħaġġel ta' Busuttil biex jagħmel mill-PN partit aktar progressivi, sakemm sab soluzzjoni. Qal li l-PN irid ikun il-partit tan-nies, partit li jifhem, jagħder u miftuħ għal kull min hu ta' rieda tajba. L-arroganza tal-bieraħ għadma iebsa għal Busuttil tal-lum Kont tismagħha ma' kull min titkellem, "Dak il-Ministru kibritlu rasu; jaqlalek qalbek biex jagħtik appuntament; jara lin-nies dubbien." Il-Ministru tela' mill-ġdid, il-partit tiegħu mar fl-Oppożizzjoni. L-arroganza passata ta' Gvernijiet Nazzjonalisti li ħafna drabi hi minnha, u drabi oħra mhix, għadma iebsa għal Simon Busuttil u jrid jiġġieldilha l-ħin kollu. Qed jagħmel ħiltu biex iserraħ ras l-elettorat li hu mhux se jittollera arroganza jekk ikun Prim Ministru, imma mhux faċli tikkonvinċi. Nistennew u naraw. Il-passat tal-PN suġġett konvenjenti għall-PL L-aktar li jogħxew isemmu l-izbalji passati tal- PN, huma tal-PL. Ifakkruni fil-ġemel li meta waqaf biex jara ħotobtu waqa' u miet zoptu. Għax il-PN wettaq ħafna żbalji fil-passat, imma għamel ġid kbir li ebda partit politiku f 'pajjiżna ma qatt għamlu. Il-poplu jinteressah li l-izbalji tal- bierah ma jkunux imtennija għada. Imma l-poplu jinteressah ħafna iktar mil-lum u minn għada. Issa sta għal Busuttil li lill-poplu jurih fejn dan il-Gvern qed jiżbalja, u aktar importanti minn hekk, kif jekk hu jkun Prim Ministru se jkun aħjar mill-Prim Ministru attwali. Biex għada jkun aħjar mil- lum Id-distakk politiku bejn Muscat u Busuttil, u bejn il-PL u l-PN huwa l-inqas li qatt kien. Imma ġifa min fil- PN jaħseb li x-xileb ġewwa għax kull elezzjoni hi storja għaliha. Li ġejja hi diffiċli ħafna għall-PN, wara r-rebha kbira li għamel il-PL fl-2013, imma mhix impossibli. In-nies jiċċaqilqu. Din rajnieha fl-1998 wara r-rebħa Laburista tal-1997. Rajnieha fl-aħħar elezzjoni u ma trid xejn biex nerġgħu narawha. Simon Busuttil qed jagħmel ħiltu, anke jekk fadallu ħafna x'jaghmel biex jikkonvinci lil aktar nies li l-PN inbidel għall-aħjar. Jidhirli li ma' dawn, il-PN beda jirbaħ il-punti: in- Nazzjonalisti li fl-aħħar elezzjoni ma vvutawx, jew kienu vvutaw lill-PL; l-hekk imsejħa switchers; l-ambjentalisti; il-Laburisti li għalihom l-ewwel il-familja, u qed jiddardru jaraw impjiegi b'salarji ħoxnin lil dawk l-aktar viċin il-Gvern. Ma oħrajn, il-PN fadallu aktar x'jaqdef: bħan- negozjanti kbar u medji - li tradizzjonalment kienu PN imma li fl-aħħar elezzjoni vvutaw Labour; imprendituri - fosthom imprendituri ewlenin magħrufin f 'pajjiżna; negozjanti fil- qasam tal-kostruzzjoni u lukandiera. L-agħar ħaġa li jista' jagħmel Busuttil hu li jħalli lil min jaħlilu ħinu jiddiskuti fuq ilbieraħ. Mill- bieraħ nitgħallmu lkoll, imma n-nies jimpurtahom mil-lum u minn għada. Inutli nibqgħu nħarsu lura. L-obbligu ta' Busuttil hu li ghada jkun aħjar mil-lum. Frank Psaila huwa opinjonista u preżentatur fuq Net TV frank psaila "Il-PN laqqat damdima oħra fl-elezzjoni tal- PE. Bdew ipeċilqu l-ilsna ħżiena. Bdew id-diċeriji ta' konġuri, mrewħa minn kwartieri li lil Busuttil qatt ma ħamluh" "Mill-bieraħ nitgħallmu lkoll, imma n-nies jimpurtahom mil-lum u minn għada. Inutli nibqgħu nħarsu lura"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM_01 Novembru 2015