Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/594534
22 illum | Il-Ħadd 01 ta' Novembru 2015 A ktarx li waħda mill-aktar ironiji jniggżu fis- sitwazzjoni ta nies maqbuda fuq qoxra f 'nofs baħar hija dik li jkunu mdawrin b'dak l-ammont hekk kbir ta' ilma u sadattant ikunu mejtin bl- għatx. L-istess ironija bħal dik ta' familja li issa, għal aktar minn ħamsin jum, qiegħda tgħix fil- bini ta' ajruport Russu mnejn ma tistax tiċċaqlaq. L-istorja tibda meta raġel u mara qabdu lill-erba' wliedhom, li l-età tagħhom tvarja bejn it-tliet snin u tlettax, u telqu minn darhom. Wieħed ma jistax jitħajjel li d-deċiżjoni li jitilqu d-dar bi tfal hekk żgħar kienet xi waħda ta' malajr, spontanja, bla ħsieb. Il-familja qiegħda taħrab mit-traġedja tas-Sirja. Il-ħarba tagħha, bħal dik ta' eluf oħrajn ta' familji, hija ħarba ddisprata. Il-każ partikolari ta' din il-familja huwa li d-direzzjoni li ħadet hija lejn ir-Russja minflok lejn il-Ġermanja jew pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea. Is-sitta li huma vvjaġġaw lejn Moska fejn sabu tistenniehom sorpriża kbira u stramba: intqalilhom li l-viża li kienu qegħdin iġorru kienet falza u għaldaqstant ma setgħux ikomplu bil-vjaġġ fir-Russja. B'konsegwenza ta' dan din il-familja spiċċat tgħix f 'sala tat-tipjip fl-ajruport ta' Sheremetyevo f 'Moska. U biex verament l-istorja jkollha element qawwi ta' ironija, din il-familja tispiċċa maqbuda fis-sezzjoni fejn il-passiġġieri jkunu qegħdin jagħżlu d-destinazzjoni tagħhom wara t-titjira lejn Moska, fis-sezzjoni tat-transit. Imma għal din il-familja t-transit jieqaf ħesrem. Waqt li l-passiġġieri l-oħrajn jimxu u jħaffu l-pass u jgħaġġlu biex jaqbdu l-ajruplan li jmiss ħalli jkomplu fi triqthom, dawn is-sitt maħrubin jispiċċaw bħal nomadi sedentarji (jekk tippermettuli l-ossimoro) fl-aktar post movimentat li wieħed jista' jimmaġina. Il-familja f 'Sheremetyevo mhijiex l-ewwel waħda li spiċċat maqbuda f 'ajruport. Kulħadd jiftakar fil-każ ta' Snowden, fl-istess post. Jew fil- każ ħafna aktar sensazzjonali ta' Mehran Karimi Nasseri, refuġjat Iranjan li qatta' ftit anqas minn tmintax –il sena fl-ajruport Charles de Gaulle f 'Pariġi wara li nsterqulu d-dokumenti li kien jagħrfuh bħala refuġjat politiku b'permess biex jivvjaġġa lejn Londra. Nasseri kien tħalla jaqbad titjira minn Pariġi lejn Londra fejn inżamm minħabba n-nuqqas ta' dokumenti u ntbagħat lura mnejn kien telaq (Pariġi) fejn allura, mar-ritorn, tqies bħala vjaġġatur illegali. Din il-familja, l-istess bħal Nasseri, ġiet kostretta biex, kuntrarju għall-qawl tal-għaref, tibni darha f 'nofs il-pont. Il-mixja hija dik l-attività sinonima mar-refuġjat bħalma hija mal-pellegrin. Id-differenza hawnhekk hija li filwaqt li l-pellegrin miexi lejn destinazzjoni ta' kult li kien ippjana sewwa, ir-refuġjat jimxi mixja li l-intenzjoni primarja tagħha hija li tbiegħdu minn daru. Aktar milli d-destinazzjoni l-preokkupazzjoni ewlenija tar-refuġjat hija l-ħarba; il-punt tal-oriġini li jrid jitbiegħed minnu. Huwa għalhekk li kif stqarr il-missier meta mistoqsi għaliex iddeċieda li jżomm lil familtu f 'kuritur ta' ajruport, aħjar il-kesħa u l-monotonija u n-nuqqas ta' privatezza tal- ajruport milli d-dar oriġinali. Qegħdin nitkellmu dwar il-mixja twila tar-refuġjati li għandha taqlagħhom mill-art tad-disperazzjoni u teħodhom lejn l-art tat-tama. Qegħdin nitkellmu wkoll dwar il-mixja mimlija diffikultajiet, imqar fiżiċi, li jaħbtu jaqtgħu qalb dak li jkun. Qegħdin nitkellmu dwar mixja li ħafna drabi hija perikoluża ħafna, kemm jekk il-mixja sseħħ biss fuq l-art, kemm jekk parti minnha tinvolvi l-baħar. Jingħad li meta tidħol f 'mina, f 'mina twila, timxi 'l ġewwa u tinbela' mid-dlam u tħoss qalbek ittaqtaq sakemm fl-aħħar, forsi anki f 'daqqa waħda, jitfaċċa d-dawl tan- naħa l-oħra. Wisq probabbli, bl-aktar mod naturali, malli tilmaħ id-dawl ta' tmiem il- mina, tagħmel il-qalb u tħaffef il-pass. Kif tista' qatt tifhem id- diżappunt, id-disperament jekk minflok id-dawl issib aktar dlam? Kif tista' qatt tifhem xi jħoss ir-rifuġjat meta fi tmiem il-mixja, bir-riġlejn juġgħu, bid-dahar maqsum bl-uġigħ, isib ħajt li għadu kemm ittella' frisk frisk? Jew fruntiera li sa ftit ilu kienet biss immaġinarja, tifkira ta' żminijiet oħra? Jew nies bl-uniformi u bl-azzarini mdendlin ma' spallejhom ixejrulek biex jew tmur lura jew tikser ma' naħa oħra sa ma ssib il-fruntiera li jmiss li, tittama, tkun tista' tinfidha? L-istorja ta' din il-familja, ta' Nasseri u ta' numru ta' nies oħrajn li nqabdu f 'sitwazzjoni ta' Catch 22 fl-ajruporti jew fuq il-fruntieri, twassal biex wieħed jirrifletti ftit fuq il-kunċett ta' fruntiera u l-kontroll fuq il-fruntiera. Aktarx li sitwazzjonijiet bħal dawn ifakkruk li kemm il-liġijiet jafu jkunu assurdi, speċjalment meta l-liġi tmur kontra l-loġika tal-ħniena umana. Meta wieħed iqis li l-mixja hija attività umana li, biex ngħidu hekk, twieldet magħna, l-għeluq tal-fruntieri u l-liġijiet dwar il-fruntieri donnhom li jmorru kontra l-istess natura umana. Dan jibda jgħodd aktar jekk il-mixja ssir bi ħtieġa, f 'sitwazzjoni ta' ħajja jew mewt. U biex verament ikun hemm element ironiku fl-istorja ta' din il-familja, hemm dit-tbissima fuq wiċċ l-iben il-kbir huwa u jiġi intervistat minn ġurnalista li marret Sheremetyevo apposta biex tiltaqa' miegħu u familtu. Jixtieq ikompli jivvjaġġa, jgħid lill-ġurnalista, u jilgħab il-futbol ma' ħutu. Imma, sadattant, jinsab maqbud f 'post fejn in-nies idumu l-aktar sagħtejn jew tlieta, waqt li hu, ħutu, ommu u missieru ilhom hemm diġà aktar minn erbgħin jum. It-tbissima tat-tfajjel, ironika daqs kemm innoċenti, tirrendi s-sitwazzjoni aktar u aktar assurda. Fl-ajruport ta' Moska Immanuel mIFSuD "Kif tista' qatt tifhem xi jħoss ir-rifuġjat meta fi tmiem il- mixja, bir-riġlejn juġgħu, bid-dahar maqsum bl-uġigħ, isib ħajt li għadu kemm ittella' frisk frisk?" "Din il-familja, l-istess bħal Nasseri, ġiet kostretta biex, kuntrarju għall- qawl tal-għaref, tibni darha f 'nofs il-pont"