Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/601596
20 illum | Il-Ħadd 15 ta' Novembru 2015 L-immigrazzjoni - Kwistjoni sensittiva b'ħafna wċuħ Opinjoni L -esperjenza wrietna li l-kwistjoni tal- immigrazzjoni mhix waħda faċli. Hi kwistjoni umana u sensittiva li toħloq pressjonijiet u diffikultajiet lil nies differenti u għal raġunijiet differenti. Hi sfida li fiha ħafna wċuħ differenti li jridu jiġu trattati b'mod tajjeb. Rari l-Ewropa ffaċċjat tant sfidi f 'daqqa: mewġiet kbar ta' migrazzjoni, kriżi tar-refuġjati fuq l-għatba ta' pajjiżna, imwiet fl-ibħra madwarna, instabbiltà fil-Libja, taqlib fl-Afrika ta' Fuq, u l-gwerra ċivili fis-Sirja. L-Ewropa, jiġifieri kull Stat Membru tagħha, għandha r-responsabbiltà, flimkien mal-pajjiżi kollha tar-reġjun, li tiffaċċja din l-isfida flimkien u toħroġ bi tweġiba konkreta u koerenti li tindirizza bis-serjetà din il-kriżi ta' ħafna fronti. Pajjiżi bħal-Libanu, il- Ġordan, u t-Turkija diġà ħadu miljuni ta' refuġjati. Din hi kriżi globali li teħtieġ tweġiba globali. Din il-ġimgħa, pajjiżna ospita s-Summit dwar il-migrazzjoni li sar bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani. Mhux dejjem kien faċli li l-Unjoni Ewropea tiddiskuti l-immigrazzjoni. Kien hemm pajjiżi li kienu jqisu li l-problema tal-immigrazzjoni kienet biss problema tal- pajjiżi milquta minn dan il-fenomenu. L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kien isostni fil-Kunsill Ewropew li l-problema tal-immigrazzjoni ma kinitx problema tal-pajjiżi Meditarranji li jilqgħu eluf ta' immigranti li jaħarbu minn pajjiżhom, iżda hi problema li tolqot lill-Unjoni Ewropea kollha u li kull soluzzjoni għandha tkun mibnija fuq il-prinċipju tas-solidarjetà li fuqha hi msejsa l-Unjoni Ewropea, fejn il-pajjiżi kollha jgħinu lil xulxin. Bil-perseveranza u bil-ħidma li kienet qed issir, l-immigrazzjoni bdiet titpoġġa fuq l-aġenda Ewropea u anki tiddaħħal fil-konkluzjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew. Dan kien proċess diffiċli. Kien anki ddaħħal mekkanizmu fejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jieħdu immigranti minn Malta. Il-Gvern Malti, fil-bidu ta' din il-leġislatura, kien ipprova jieħu d-deċiżjoni kontroversjali tal-pushbacks li jibgħat l-immigranti lura mnejn ġew b'riskju għal ħajjithom. Din id-deċiżjoni kienet ġabet kundanna kbira. Wara kritika qawwija, il-Gvern reġa' biddel dik id- deċiżjoni. Bid-deċiżjoni tal- pushbacks kien ikun diffiċli li mexxeja ta' tant pajjiżi jiltaqgħu f 'Malta u jippruvaw ifittxu soluzzjoni għal din il-kriżi globali. Dan kien każ ieħor li wera li r-raġuni hi ħafna aktar importanti mir- reazzjoni instantja. F'dawn l-aħħar jiem sar żvilupp importanti bil- ħolqien ta' Trust Fund. Dan il-fond se jgħin lil pajjiżi Afrikani li jkunu f 'diffikultà. Għandhom igawdu nies li huma esposti għal diffikultajiet u huma fraġli. Nittama li b'dan il-fond tibda tiġi indirizzata l-għeruq tal- problema u jsiru inizjattivi biex ikun hemm aktar sigurtà fil-pajjiżi Afrikani, ikun hemm is-saltna tad- dritt, u jkun hemm żvilupp ekonomiku li permezz tiegħu jinħoloq ix-xogħol, partikolarment f 'taħriġ u ħolqien ta' intrapriżi żgħar. Permezz ta' dan il-fond, se jkunu jistgħu jittieħdu inizjattiv i biex kemm jista' jkun jitnaqqsu l-kunflitti u jkun hemm 'management' aħjar tal-migrazzjoni u r-ritorn sigur. Se jittieħdu inizjattivi fil-qasam legali, soċjali, edukattiv u ambjentali. Kollha importanti. Il-ħolqien tat-Trust Fund huwa pass, imma mhuwiex biżżejjed. Dak li għandna bżonn issa hu li ngħaddu mill-paroli għall-fatti b'impenji serji mill-Prim Ministri u b'azzjoni konkreta. Jekk ma nittrattawx din il- problema b'mod ħolistiku li jħares lejn kull waħda mill- ħafna faċċati tagħha, ma naslu mkien. Irridu nkomplu naħdmu biex inwieġbu għal mistoqsijiet bħal: Kif nistgħu nsaħħu l-ħidmiet ta' tiftix u salvataġġ fil-Mediterran? Kif se nżarmaw in-networks ta' kriminali u korrotti li qed jistagħnew minn fuq tant nies vulnerabbli? Kif dawn in-nies jistgħu jfittxu kenn bla ma jkollhom għalfejn jirkbu dgħajjes li mhuma dgħajjes xejn imma twiebet? U kif se nibagħtu lura lil dawk li nsibu li ma jikkwalifikawx għall- kenn fl-Ewropa? Filwaqt li nwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet irridu wkoll inħarsu lejn x'qed jiġri lin-nies li għandhom bżonn protezzjoni fl-Ewropa. It- tweġiba mhijiex l-Ewropa Fortizza. L-Ewropa hi dwar it-twaqqigħ tal-ħitan, mhux dwar il-bini ta' ħitan ġodda. Jeħtieġ nikkumbattu lill- populisti u nindirizzaw il-biża' li jiżirgħu bl- esaġerazzjonijiet tagħhom. Imma lanqas ma nistgħu nabbandunaw il-kontroll fuq il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea. Jeħtieġ ikollna mmaniġġjar tal-fruntieri tagħna li jkun uman, ġust, u b'saħħtu u dawk li għandhom tassew bżonn il-kenn, ikunu jistgħu jfittxu futur bla biża'. Dawk li ma jikkwalifikawx għal protezzjoni, jeħtieġ jintbagħtu lura b'mod sigur lejn pajjiżhom. Jeħtieġ soluzzjonijiet għat- tul. Ħafna mill-migranti li qed jaħabru m'għażlux huma li jiċċaqilqu minn pajjiżhom. Ħafna minnhom iridu jmorru lura lejn pajjiżhom, fejn trabbew u kibru. Imma kif jistgħu jirritornaw lejn pajjiż li ma joffrilhom l-ebda prospett ġdid? Jekk dawn il-bnedmin ma jaraw l-ebda futur f 'pajjiżhom, mhux talli ma jitħajrux imorru lura, talli aktar jibqgħu jaħarbu, anke jekk b'sogru għal ħajjithom, u aktar migranti se jmutu mgħarrqin fl-ibħra tagħna jew huma u jaqsmu d-deżert. Irridu niddedikaw l-enerġija tagħna biex ngħinu lil dawn il-pajjiżi u reġjuni jinbnew mill-ġdid b'risq il-popli tagħhom. Dan ifisser li rridu ngħinu lil dawn il-pajjiżi jagħtu lill-popolazzjonijiet tagħhom dak li hu l-ewwel dmir tal-Istat: is-sigurtà għall- poplu tiegħu, il-buon ordni u l-ħarsien tal-fruntieri. Irridu ngħinuhom jibnu l-aktar servizzi essenzjali, jiġbdu investiment utli, jedukaw lil nieshom, u jiggvernaw lilhom infushom bi ndafa u b'mod effettiv. Nittama li l-ħolqien tat-Trust Fund u l-proġetti finanzjati minnu jwassal biex dawn il-miri jibdew jiġu indirizzati u eventwalment jintlaħqu. It-triq mhix għall-wita imma bidu jrid ikun hemm, u t-tama tagħna hi li l-popli milquta minn kriżijiet jirbħu l-fiduċja fihom infushom, ikollhom fiduċja f 'pajjiżhom u fil-ġejjieni tagħhom billi jaraw li anki permezz tat- Trust Fund qed jiġu finanzjati proġetti u qed issir ħidma konkreta li qed tagħmel differenza għal ħajjithom f 'pajjiżhom. Roberta Metsola hija Membru tal-Parlament Ewropew fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew RobeRta Metsola "Bid-deċiżjoni tal-pushbacks kien ikun diffiċli li mexxejja ta' tant pajjiżi jiltaqgħu f 'Malta u jippruvaw ifittxu soluzzjoni għal din il-kriżi globali"