Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/601596
Il-Ħadd 15 ta' Novembru 2015 | illum 31 SportSillum 'Li kieku ma kontx persuna sportiva, illum jien ninsab mejjet' - Toni Galea minn Cristian Antony Muscat Toni Galea li hu iktar magħruf bħala 'Toni l-iswed' kien fuq fomm kulħadd matul l-aħħar jiem f 'pajjiżna, hekk kif kien involut f 'inċident ikrah ħafna tat-traffiku bil-mutur tiegħu tal- Pulizija ġewwa ż-żona industrijali ta' San Ġwann u li seta' kellu konsegwenzi ferm iktar koroh, anke fatali. Fil-fatt Toni Galea kien qed jissielet għal ħajtu ġewwa l-ITU, iżda rnexxielu jsalva minn ħalq il-mewt grazzi għad- determinazzjoni tiegħu, u speċjalment għall-fiżika tiegħu, li ġiet wara snin twal jipprattika l-waterpolo fl-ogħla livell. Dan hekk kif Toni Galea, rebaħ dak kollu li għandu x'joffri l-waterpolo lokali, fosthom Kampjonati ma' San Ġiljan, kmieni fis-snin 90 u anki ma' Marsaskala u Neptunes fis-snin ta' wara fl-Ewwel Diviżjoni, li llum tissejjaħ id-Diviżjoni Premier. Barra minn hekk huwa rebaħ unuri wkoll fit-Tieni Diviżjoni ma' Marsaxlokk, u per eżempju fl-istaġun li għadda, kien biss fid- decider li tilef ir-rebħ tal- Kampjonat max-Xlukkajri, fejn dan il-Kampjonat intrebaħ mit-tim rivali ta' Marsaskala fid-decider. Barra minn hekk Toni Galea kien ukoll pedina ferm importanti tat-tim nazzjonali fil-passat riċenti, speċjalment fis-snin 90. Din il-gazzetta ma setgħetx ma tagħmilx kuntatt ma' dan ir-raġel ta' qawwa liema bħala, u li nistgħu ngħidu li rebaħ lill- mewt, propju ftit jiem wara li beda jirkupra sew mill- inċident gravi li kellu, fejn tana dawn il-kummenti esklussivi: "Li kieku ma kontx persuna sportiva, illum jien ninsab mejjet. Dan il-kliem mhux qed ngħidu jien iżda qaluwuli t-tobba u l-professuri kollha li ħadu ħsiebi u eżaminawni wara dan l-inċident, fl- Isptar Mater Dei. Huma baqgħu tassew skantati u impressjonati, kif ma mittx mad-daqqa kbira li sofrejt mal-ħabta. Għalkemm, jien ma nafx x'ġara eżatt, f 'dak il-ħin tal- inċident, it-tobba qaluli li l-fatt li jien għandi riflessi ferm tajbin minħabba li nipprattika l-logħba tal- waterpolo, bl-istint tiegħi rnexxieli nilqa' tajjeb id-daqqa. Dan għalkemm sofrejt ksur f 'ħafna partijiet u għadam ta' wiċċi, fosthom f 'imnieħri, u anki fil-kustilji u f 'idi. Iżda dawk kollha involuti l-isptar, qaluli li dan kien tabilħaqq miraklu, u li l-fatt li jien persuna sportiva ħafna u li nieħu ħsieb saħħti, tassew salvani minn ħalq il-mewt." Mistoqsi minn din il- gazzetta dwar kif qed iħares lejn il-futur tiegħu fil-logħba tal-waterpolo, u jekk tabilħaqq hux qed jaħsibha jkomplix ikun involut b'mod attiv f 'dan l-isport wara dan l-inċident tassew serju, speċjalment meta tikkunsidra s-saħħa u l-aġilità bżonn fil- waterpolo, Toni Galea wieġeb li għalissa għadu kmieni wisq biex jiddeċiedi jekk hux se jkompli bil- logħob u bit-taħriġ tiegħu ma' Marsaxlokk. Dan hekk kif huma meħtieġa x-xhur biex 'Toni l-Iswed', jirkupra lura saħħtu kollha u jiġi fl- aqwa forma possibli tiegħu, u għalhekk għadu ma ħasibx fuq il-futur tiegħu fil-logħba li tant iħobb tal-waterpolo. Dan hekk kif għalissa l-għan ewlieni tiegħu huwa dak li jikseb saħħtu lura kompletament, u jirritorna lura fil- ħajja normali, fosthom fix-xogħol tiegħu bħala kuntistabbli tal-Pulizija, responsabbli mit-traffiku. Tajjeb ngħidu li kollox qed jindika li t-tifel ta' Toni Galea, Andreas Galea, jinsab miexi fuq il-passi ta' missieru, u jidher li hemm jistennieh futur mill-isbaħ f 'dan l-isport. Dan hekk kif Andreas huwa plejer importanti ta' San Ġiljan, li fl-aħħar staġun rebaħ double storiku, wara xejn inqas minn 20 sena. Huwa kien jifforma parti minn dan it-tim li rebaħ kemm il-kampjonat, kif ukoll in-Knock-out, waqt li tajjeb ngħidu li jifforma parti wkoll mit-timijiet nazzjonali tal-Juniors tal- Waterpolo. Toni Galea rikoverat fl-isptar fejn qed jirkupra sew mill-inċident gravi li kellu bil-mutur Toni Galea ppreżentat b'waħda mill-ħafna trofej li rebaħ tul il-karriera mill-aqwa tiegħu fil-waterpolo Toni Galea fl-azzjoni