Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/601596
minn John Busuttil ĦADT l-okkażjoni minn offerta tar-Ryan Air għall- ajruport ta' Ciampino f 'Ruma fejn ħallast biss €49 u offerta oħra minn membru tal-familja li jgħix Terni fl-Umbria biex inqatta' ftit tal-jiem għandu. L-offerta tiegħu kienet estiża billi jdawwarni bil-karozza tiegħu u jorganizzali ikliet tradizzjonali kull filgħaxija u anke pranzu differenti kuljum. X'irrid iżjed? Offerta li ma stajtx nirrifjutaha u fl-istess ħin xtaqt naqsam din l-esperjenza mill-isbaħ fiż-żona ċentrali tal-Italja. Żona msemmija għat-Tartufo li huwa speċi ta' faqqiegħ li jitrabba taħt il-ħamrija u jinstab permezz ta' klieb speċjali u anke b'xi tip ta' ħnieżer li jxommuh. Faqqiegħ li jiswa ħafna, speċjalment jekk ikun tax-xitwa, għax dak sajfi jinxtara b'nofs il-prezz tax-xitwa. L-Umbria jroxxu minnu sew mal-għaġin biz- zalzett speċjali tagħhom, inkella anke fuq il-laħam li wkoll jagħtih togħma unika. Dan mhux bħal dak li wieħed jixtri mis-supermarkets b'xi €3 għax dak hu biss riħa ta' tartufo u mhux bit-togħma vera bnina. L-art tal-qaddisin (jew persuni mistiċi) Qatt ma naf li bdejt nikteb fuq pajjiż jew belt u ktibt fuq l-ikel qabel il-ġmiel tal-bliet jew villaġġi. Iżda jkolli nammetti li din iż- żona ħallietni nduq il-benna tal-ġenna f 'dak li hu ikel u xenarju li jħallik bla nifs, barra li jħallik tgawdi bliet u rħula medjevali, wieħed isbaħ mill-ieħor, b'arkitettura li ma tagħtikx ċans tħares naħa jew oħra li ma tispiċċax trid tieħu ritratt ta' dak li jkun hemm madwarek. Fost dawn it-teżori medjevali mpoġġija fuq għoljiet imdawrin bil-muntanji Appennini, wieħed isib arkitettura li timmeżmerizzak. Mhux ta' b'xejn li ħafna minnhom huma mogħtija t-timbru ta' patrimonju dinji mill- UNESCO. Bliet bħal Spoleto, Orvieto, Assisi, Cascia, Norcia u Narni trid timxi diversi tlajja' biex tara l-arkitettura u l-knejjes romaneski li jfiġġu f 'daqqa waħda fi pjazez li joħorġu minn toroq imserrpin. Iżda xi ħaġa li nnutajt hi li minn din iż-żona ħarġu diversi qaddisin fost l-aktar meqjuma fid-dinja Kattolika Rumana, inkella kif inħobb nsejħilhom jien persuni mistiċi li għexu sekli ilu, iżda li għadhom jgħixu fil-bażiliċi fejn huma meqjuma sal- lum. Qed nirreferi għal San Franġisk f 'Assisi, flimkien ma' Santa Kjara u Santa Rita ta' Cascia li jsibuha bħala l-qaddisa tal-impossibbli. Kollha huma persuni mistiċi u qaddisin minħabba l-mod kif offrew ħajjithom għal ħaddieħor. Li laqatni f 'Cascia u Assisi kien il-fatt li kont naħseb li barra l-oqbra tal-qaddisin m'hemm xejn iżjed x'wieħed jara, iżda kont żbaljat mhux ftit meta speċjalment Assisi rajt li hi belt mill- isbaħ. Patrimonju dinji li iżda għandu difett wieħed, il-karozzi tar-residenti għaddejjin bla waqfien mit- toroq dojoq tal-belt. Post ieħor li laqatni mmens u nħoss li hu l-isbaħ villaġġ medjevali li qatt żort f 'ħajti s'issa (u żort mhux ftit) hu Narni li kulfejn tħares jaffaxinak. Villaġġ tas-seklu 12 bi knejjes li wkoll juru l-arkitettura ta' 850 sena ilu. Toroq li jmexxuk taħt il-belt Bliet bħal Cascia, Spoleto, Orvieto u Perugia minħabba t-tlajja' weqfin li wieħed irid jimxi biex iżurhom, ħadu ħsieb li bnew speċi ta' 'metro' taħt il-belt fejn wieħed jista' jmur minn pjazza għall-oħra b''escalators' li jmexxuk huma u jiffrankawlek it-tlajja'. Dan żgur li għandu jħajrek biex ma taqtax qalbek int u sejjer lejn dawn il-bliet biex tarahom fil- quċċati tagħhom. L-ogħla kaskata fl-Ewropa Madwar 8 kilometri bogħod minn Terni, wieħed isib kaskata magħmula mill- bniedem. Kienu r-Rumani li ħolqu din il-kaskata biex iwasslu l-ilma lejn iċ-ċentru tal-Italja. Hi għolja 165 metru li tagħmilha l-itwal waħda fl-Italja u l-itwal waħda magħmula mill-bniedem fl- Ewropa. Fiha tliet sezzjonijiet. L-ilma tagħha ġej mix-xmara Velino bl-ilma jittieħed mill- lag ta' Piediluco. Il-mixja tagħha tinfetaħ biex tagħti enerġija lil 'power plant' fil- viċin u biex it-turisti jkunu jistgħu jitpaxxew bis-saħħa kbira li jibda nieżel l-ilma biha mill-quċċata, li saħansitra jkollok tilbes inċirata biex ma tixxarrabx għasra. Matul ix-xitwa, l-ilma jinfetaħ kull nhar ta' Sibt. Interessanti l-fatt li hemm trejqiet li jwassluk sal-quċċata fost xenarju u ħoss ta' ilma għaddej minn ħdejk. Wieħed jista' wkoll jitla' sal-quċċata b'kowċ għal €1 u tinżel mat-trejqa 'l isfel, inkella titla sal-quċċata u tinżel bil-kowċ, jekk ma tkunx trid terġa' tinżel mal-ħames trejqiet li hemm preparati għal min iħobb jagħmel trekking. Għal min jasal sa fuq, hemm mina li hi msejħa 'the tunnel of love' li wieħed joħroġ f 'gallarija li tiġi biswit il-kaskada fejn għandek garanzija li ssir qisek fellus. Minkejja dan, l-osservatorju ta' fuq joffrilek xena spettakolari tal-wied tax- xmara Nera. Kif tasal hemm L-aħjar mod li tmur minn Ruma b'Ciampino u Fiumicino jwassluk fil-lokalità li tagħżel fejn toqgħod int. Jien għażilt Terni li hu ċentrali. Post li ma fihx monumenti, iżda hi belt 'vivabbli', ħajja mimlija ħwienet u fl-istess ħin mhux kaotika. Il-Ħadd 15 ta' Novembru 2015 | illum 29 L-Umbria: L-art tal-qaddisin u t-Tartufo Vjaġġi Dehra panoramika minn fuq Cascia Il-Kampanja tal-Umbria Roccapolena L-ogħla kaskata fl-Ewropa li nħolqot mill-bniedem