Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/601596
32 illum Il-Ħadd 15 ta' Novembru 2015 Sports Għaliex irtirat mill-atletika Rebecca Camilleri? minn Cristian Antony Muscat Rebecca camilleri hi bla dubju waħda mill- aqwa atleti li pproduċa l-isport tal-atletika, mhux biss f 'dawn l-aħħar snin, iżda tabilħaqq, f 'kull żmien. Din l-aħbar ittieħdet b'sorpriża minn bosta segwaċi tal-atletika u mhux biss. Iżda għaliex irtirat mill- isport li tant tħobb l-atleta, Rebecca Camilleri? Din il-gazzetta għamlet kuntatt b'mod personali ma' din l-eks atleta, fejn tatna dawn il-kummenti esklussivi: "L-aħħar 12-il xahar (mill-bidu tal-istaġun li għadda), offrew sfida kbira għalija. Dan għaliex kelli l-impenji relatati mal-aħħar sena tiegħi tad-Dottorat, ngħallem l-Ingliż bħala xogħol part-time u nittrenja sitt darbiet fil-ġimgħa. Dan waqt li kont qed nippjana għat-tieġ tiegħi. Kull ġurnata kienet għalija sfida biex nagħti l-massimu tiegħi f 'dak kollu li nagħmel, waqt li napprezza kull oppportunità u esperjenza li kont qed ngħaddi minnha f 'ħajti. Ikolli ngħid li rnexxieli nagħmel dan, iżda nammetti li nħossni ferħana li dan kollu għadda! Riċentament, qed niġi mistoqsija ħafna d-domanda rigward x'imiss għalija fl-isport tal-atletika u jekk għandix iktar x'nagħti lil dan l-isport. Ikolli nirrispondi għal din id-domanda, billi ngħid li għalissa se nkun qed nirtira mill-atletika kompetittiva. Kemm ir-raġel tiegħi, Federico Gorrieri kif ukoll jien bħala atleti kompetittivi, iddeċidejna li ninvestu l-ħin u l-enerġiji tagħna f 'affarijiet oħra importanti fil-ħajja tagħna fosthom il-karriera u li nibnu familja. Dejjem se nkun qed inħares lura lejn il- karriera tiegħi fl-atletika b'sodisfazzjon kbir, kif ukoll b'xi demgħa 'l hemm u 'l hawn, waqt li nġorr miegħi dak kollu li l-atletika tatni tul dawn l-aħħar 18-il sena, kemm ilni nipprattika dan l-isport. Issa qed inħares 'il quddiem, bl-istess determinazzjoni u passjoni li dejjem urejt fl-atletika, fejn jien lesta li nesperjenza u ngawdi dak kollu li l-ħajja fadlilha x'toffri, flimkien mar-raġel tiegħi, il-persuna li kien warajja matul kull esperjenza li għaddejt minnha f 'dawn l-aħħar snin. Għad ma nistax ngħid għalissa jekk hux se nkun qed nieħu sehem b'mod kompetittiv fid-dixxiplina tal-atletika, li nispeċjalizza fiha, jiġifieri l-'long jump'. Iżda, min jaf x'hemm lest għalija fil-futur - kif jgħidu bl-Ingliż - 'Never say Never!' Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-kowċ tiegħi, Jivko Jetchev, li dejjem kont inqisu bħala missier għalija, u li dejjem kellu fiduċja assoluta fija. Nirringrazzja wkoll lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Atletika (MAAA), li dejjem issapportjatni u nkoraġġietni f 'dawn l-aħħar 18-il sena. Grazzi tmur ukoll għall-klabb Malti, li miegħu kont nittrenja, Athleta Pembroke, għall-fatt li l-atleti li kont nittrenja magħhom f 'dan il-klabb, kienu saru t-tieni familja tiegħi. Nirringrazzja wkoll lill- klabb Taljan li kont nittrenja miegħu fl-Italja, BRACCO Atletica, li għażel li jinvesti fija u laqagħni b'tant imħabba fil-familja tiegħu ta' atleti. Nirringrazzja wkoll lill-Kumitat Olimpiku Malti (MOC), kif ukoll lill-Kunsill Malti għall-Isport, illum SportMalta talli tani diversi opportunitajiet fl-atletika, li komplew jarrikkixxu lil ħajti. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, nixtieq nirringrazzja lill-familja u lill-ħbieb tiegħi, u ovvjament lir-raġel tiegħi Federico, għall-imħabba tagħhom, u talli tul il- medda tas-snin, kabbru l-passjoni tiegħi lejn l-atletika, u talli dejjem kienu l-partitarji numru 1 tiegħi," temmet tgħid Rebecca Camilleri. L-atleta ewlenija f 'Malta, Rebecca Camilleri fl-azzjoni Philip Joe Vella u Noel Zammit jirbħu l-Kategorija Autocross Modified L-aSMK se tkompli bl- attivitajiet tal-Motorsport illum, fejn il-Muturi mis- Sezzjoni enduro se jsuqu fit-tieni attività mill- Kampjonat aSMK Pasta Poiatti 2015/2016. Din se ssir f 'Ħal-Far maġenb il-fabbrika PlayMobil. L-attività tibda fl-10am. Intant, nhar il-Ħadd 8 ta Novembru l-Assocjazzjon kompliet bl-attivitajiet tal-istagun tal-Karozzi Autocross fejn giet organizzata t-tieni attività fil-kumpless Sportiv f 'Ta'Qali. F'din l-attività ħadu sehem numru ta' kompetituri miż-żewġ klassijiet, dik Autocross Modified u dik Autocross Standard. Matul il-ġurnata fil- Modified Autocross rajna kompetizzjoni qawwija waqt il-Heats tant li ħadd ma rnexxielu jirbaħ il- Heats kollha tal-ġurnata. Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo rnexxielu jakkwista l-ogħla punteġġ tal-ġurnata, biex awtomatikament ħa postu fuq l-istart-line tal-finali ta' Klassi A. Miegħu kwalifikaw ukoll Philip Joe Vella u Malcolm Borg, it-tnejn fuq Opel Corsa, Keith Borg fuq Opel Nova, Christian Apap fuq Ford Fiesta u Josef Abela fuq Opel Nova. Matul din il-finali rajna ħrug tajjeb minn Galea u Vella fejn ftit wara l-ewwel kantuniera, Galea żbalja u dan swieh tliet postijiet lura. Il-finali kompliet b'Vella fit-tmun segwit minn Borg u Abela. L-attenzjoni kienet fuq Galea li mill-ħames post mill-ewwel beda jagħmel pressjoni fuq Apap sakemm dan tal-aħħar irtira minħabba ħsara mekkanika waqt li Galea kompla javvanza u ħin bla waqt beda jagħmel pressjoni fuq Abela. Dan tal-aħħar iddefenda postu sakemm Galea ftit qabel tmiem il- finali ħa ċ-ċans u rnexxielu jissupera lil Abela biex ir- riżultat finali spiċċa b'Vella jirbaħ il-finali segwit minn Borg, Galea u Abela. Għall-finali ta' Klassi B ikkwalifikaw Joseph Micallef fuq Opel Corsa, Noel Zammit fuq Fiat Punto, JeanPaul Grech fuq Peugeot 106, Jonathan Vella fuq Ford Fiesta u Jonathan Camilleri fuq Opel Corsa. Mat-tluq ta' din il-finali rajna lil Vella u Zammit jieħdu l-ħarġa fejn sal- ewwel kantuniera, Vella ħa t-tmun segwit viċin minn Zammit u Micallef. Dawn baqgħu kollha flimkien b'Zammit jagħmel pressjoni fuq Vella waqt li Micallef kien qed jagħmel pressjoni fuq Zammit. Fit-tielet lap, Zammit u Micallef, issuperaw lil Vella. Iżda ftit metri qabel il-Finish Line, Micallef qabad il-barriera tat-tyres mal-ġenb tat-triq u kellu jirtira mit-tiġrija. Intant, it-tiġrija spiċċat ftit sekondi wara b'Zammit jirbaħ it-tigrija segwit minn Vella u Grech. Fil-Klassi Standard erġajna rajna lil Deane Farrugia fuq Citroen AX jiddomina l-finali fejn rebaħ it-tieni attività wkoll. Dan kien segwit minn Traydon Bailey fuq Ford Ka fit-tieni post, filwaqt li Ian Fenech spiċċa fit-tielet post fuq Citroen AX. Fir-raba' u l-ħames postijiet daħlu ż-żewġ sewwieqa Għawdxin Joseph Vella fuq Ford Fiesta u Johann Vella fuq Opel Corsa rispettivament. L-ASMK ħabbret li l-attività li jmiss fil- kumpless Sportiv f 'Ta'Qali nhar il-Ħadd li ġej, se tibda fl-10am, bil-programm jibda b'quddiesa li ssir kull sena għall-membri li jkunu mietu. Il-programm ikompli bil-Muturi Motocross u Karozzi fil- 11am. Wieħed jista' jsib iktar informazzjoni fis-sit elettroniku tal-ASMK, www.asmk.org.mt, jew fil-paġni ta' Facebook, A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista' jagħmel kuntatt bl-email fuq, info@asmk.org.mt. Noel Zammit fuq Fiat Punto segwit minn Joseph Micallef fuq Opel Corsa